Friday, November 15, 2024

“Il-PN se jkun fil-gvern … mhux ta’ b’xejn il-bagalja saret ħamra”

Aqra wkoll

“Budget li ma jindirizzax il-kwistjonijiet vera li qed jolqtu lin-nies. Budget b’ħafna kliem sabiħ li ma joffri ebda direzzjoni u soluzzjoni għal pajjiżna. Budget li ma jindirizzax il-kwalità tal-ħajja tan-nies”. Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara li ġie ppreżentat id-dokument tal-budget 2023.

Rigward il-kontroll fuq il-prezzijiet, Grech qal li l-Ministru tal-Finanzi qal li ma jistax jikkontrolla l-prezzijiet u ġab l-iskuża tal-Italja biex jiġġustifika ruħu. Huwa kompla biex jgħid li l-gvern kellu jaqta’ l-ħela u t-tberbiq u ma jibqax ġeneruż ma’ tal-qalba.

“Mhux ta’ b’xejn il-bagalja saret ħamra minn sewda għax il-Ministru ġab lil pajjiżna in the red”, kompla jgħid Grech. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li l-piż tal-għoli tal-ħajja żdied u l-għajnuna tonqos. 

Grech sostna li l-budget ma jindirizzax il-kwalità tal-ħajja u li l-familji Maltin se jibgħu inkwetati bil-kriminalità, il-vjolenza domestika u dik fuq l-anzjani. 

Ripetutament, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan huwa “budget in the red” u li se jkompli fuq is-sitwazzjoni ta’ qabel tħabbar id-dokument tal-budget għas-sena d-dieħla.

Intant meta kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkun fil-gvern. Hawnhekk huwa sostna li d-differenza bejn iż-żewġ partiti l-kbar hija li gvern Nazzjonalista jkun kapaċi jippjana dwar l-ammont ta’ ħaddiema barranin jaħdmu f’pajjiżna, filwaqt li jinvesti u jinċentiva liż-żgħażagħ tagħna biex huma jkunu jistgħu jkollhom l-opportunità li jaħdmu f’setturi eżistenti u anke setturi ġodda.

Ekonomija

Sport