Jodie Saliba għandha 24 sena u barra li tipprattika l-immudellar, ftit tas-snin ilu bdiet avventura oħra f’ħajjitha – dik tal-pole fitness.
Iż-żfin minn dejjem kien parti minn ħajjet Jodie hekk kif fl-età ta’ erba’ snin bdiet tattendi l-lezzjonijiet tal-ballet. Kienet tiżfen ta’ spiss u kif tgħid hi, iż-żfin hu stil ta’ ħajja verament sabiħ.
Barra l-ballet u żfin ieħor, Jodie bdiet tinteressa wkoll fil-pole fitness. Kollox beda meta kienet qed tara film partikolari li fih kien hemm diversi żeffiena jipprattikaw dan it-tip ta’ żfin. Dak iż-żmien f’Malta ma kienx hawn xi tip ta’ ċentru fuq dan l-isport u għalhekk bdiet tfittex ħafna fuq l-internet bit-tama li ssib iktar informazzjoni. Minn hemm u minn hawn sabet li anke f’Malta qed isir xi tip ta’ taħriġ u hi stess applikat sabiex tieħu sehem.
Aħna tkellimna ma’ Jodie Saliba li xtaqet tagħtina aktar informazzjoni dwar din id-dixxiplina li wieħed jista’ jsejjaħlu sport ukoll.
Bla dubju li l-pole dancing jinkludi ħafna saħħa fiżika li wara kollox hi importanti sabiex twettaq il-wirja tiegħek bl-aqwa mod possibbli. Kif irnexxielha ġġib din is-saħħa?
“Bla dubju li din is-saħħa ġġibha ftit ftit. Għall-bidu ma kienx jirnexxieli u min jaf kemm il-darba waqajt mal-art, forsi kelli xi selħa ‘l hemm u ‘l hawn jew xi weġgħa oħra. Il-bidu hu dejjem diffiċli bħalma jgħidu anke għax ftit kien qed ikolli bilanċ waqt li nagħmel il-wirja tiegħi fuq il-pole.”
Madankollu Jodie ħadet dan l-isport bis-serjetà tant li kompliet tiżviluppa l-ħiliet tagħha u biż-żmien mhux biss tjiebet fit-teknika iżda wkoll rabbiet saħħa fiżika tajba. Dan kollu xprunaha sabiex tieħu dan l-isport b’serjeta’ kbira.
Kif għedna, Jodie Saliba hi wkoll mudella. X’esperjenzi tiftakar f’dan is-settur li kulma jmur dejjem qed jikber?
“Ħadt sehem f’ħafna kompetizzjonijiet differenti u għalkemm f’dawn l-aħħar xhur kelli noqgħod ftit lura biex intejjeb il-wirjiet tiegħi fil-pole fitness u anke minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. Nixtieq ħafna ninvolvi ruħi aktar f’dan is-settur għax bħalma l-pole fitness hu għal qalbi daqstant ieħor hu l-immudellar. “
“L-aħħar kompetizzjoni li ħadt sehem fiha kienet Miss World Malta ta’ ftit tal-ġimgħat ilu fejn spiċċajt fit-tmien post. Ovvjament naf li rrid intejjeb il-pożizzjoni tiegħi iżda beħsiebni nkompli nimraħ aktar f’din id-dinja tant sabiħa tal-immudellar.”
Jodie tgħidilna li tista’ tipparaguna sew l-immudellar, iż-żfin u anke l-pole fitness flimkien minħabba li fit-tlieta li huma trid tesprimi ruħek bl-aqwa mod filwaqt li żżid il-kunfidenza tiegħek ftit ftit. L-istess kunfidenza li tfisser ħafna meta tkun fuq il-palk jew fuq xi dance floor fejn hemmhekk iż-żeffiena trid turi l-lat estrovert tagħha minkejja li forsi jkun hemm ħafna introvert fih. Madankollu kif qaltilna hi stess, id-dance floor u l-palk jgħinek ħafna sabiex tiżviluppa l-karattru tiegħek.
Saqsejna lil Jodie Saliba kif qed tara l-futur tagħha fiż-żfin, pole fitness u l-immudellar.
“Nixtieq inkompli nimraħ fit-tlieta li huma għalkemm nixtieq nagħti aktar prijorità lill-immudellar, settur li minħabba raġuni jew oħra kelli nibqa’ lura minnu. Għadni kemm dħalt fil-Miss World Malta u issa qed nippjana li nieħu sehem f’aktar kuntesti.”
“Fl-istess waqt irrid ukoll li nkompli niżviluppa dejjem aktar it-teknika fil-pole fitness sabiex dejjem inkun aħjar. Fiduċjuża li kapaċi nagħmel dan.”