F’numru ta’ bliet kbar ġewwa ċ-Ċina qed jerġgħu jiddaħħlu fis-seħħ restrizzjonijiet b’saħħithom minħabba l-Covid-19 fejn fost l-oħrajn għadd ta’ binjiet ingħalqu u miljuni ta’ persuni spiċċaw taħt ordnijiet biex ma joħorġux.
Matul il-jum tal-bieraħ iċ-Ċina rrapportat li għat-tielet jum infila kien hemm iktar minn 1,000 każ ġdid ta’ Covid-19. Minkejja li dan hu pjuttost numru modest għad-daqs taċ-Ċina, dan il-pajjiż isegwi politika ta’ żero Covid u għalhekk mal-iċken żieda jittieħdu restrizzjonijiet qawwija.
Fost il-bliet li spiċċaw taħt restrizzjonijiet hemm ukoll dik ta’ Wuhan, il-post fejn feġġ l-ewwel darba il-virus. Fl-aħħar sigħat kien irrapportat li f’din il-belt kien hemm bejn 20 u 25 infezzjoni ġdida u b’hekk dan wassal lill-awtoritjaiet bejn jordnaw lil xejn inqas minn 800,000 persuna biex jibqgħu d-dar.
Residenti ta’ Wuhan li tkellmu mal-midja esprimew il-frustrazzjoni tagħhom u qalu li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu hekk kif dawn ir-restrizzjonijiet qed jikkawżaw ħafna tbatijiet ħafna drabi bla bżonn.