Sunday, December 22, 2024

“Il-politika li ngħixu aktar mal-Covid-19 u ma jingħalqux in-negozji kienet l-aktar ħaġa importanti”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-wage supplement u l-vouchers reġgħu kienu l-aktar miżuri li għenu lin-negozji

L-għeluq tat-tieni sena tal-pandemija tal-Covid-19 għan-negozji lokali kellha l-isfidi tagħha minħabba li s-sitwazzjoni baqgħet tinbidel iżda l-fatt li bdejna bil-politika li ngħixu aktar mal-Covid u ma jingħalqux in-negozji, kienet l-aktar ħaġa importanti. Hekk qalet lil Talk.mt il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs), Abigail Agius Mamo, fejn għal darb’oħra kkonfermat li l-wage supplement u l-vouchers mill-Gvern kienu l-aktar miżuri li għenu lin-negozji lokali.

“Kienet importanti li meta stajna niftħu aktar u ngħixu b’mod normali, ħadna din l-opportunità. Li wieħed isib stabbilità fiċ-ċirkostanzi dejjem jinbidlu kienet l-akbar sfida,” spjegat Agius Mamo. Hija qalet li għalaqna s-sena 2021 bi sfidi ewlenin li kienu pjuttost serji. Dan fid-dawl li l-ammont ta’ infezzjonijiet fuq livell globali affetwaw it-turiżmu b’mod ħażin u allura Malta wkoll rat numru ta’ kanċellazzjonijiet.

“Fuq livell lokali qiegħdin insofru min-nuqqasijiet kbar ta’ riżorsi umani u din saret aktar diffiċli bl-ammont għoli ta’ kwarantini li kien hawn għaddejjin…”

ABIGAIL AGIUS MAMO 

Min-naħa l-oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs qalet li, “fuq livell lokali qiegħdin insofru min-nuqqasijiet kbar ta’ riżorsi umani u din saret aktar diffiċli bl-ammont għoli ta’ kwarantini li kien hawn għaddejjin. Il-kwarantini huma piż kbir ħafna fuq in-negozju”.

Bħala livell ta’ bejgħ f’għeluq is-sena 2021, Mamo qaltilna li dan jidher li kien, b’mod ġenerali, sodisfaċenti. Aktar tard dan ix xahar din il-Kamra tkun f’pożizzjoni li tagħti aġġornament aktar iddettaljat fl-istħarriġ li joħroġ ta’ kull sena. Hija qalet li l-akbar sfidi kienu dawk relatati mas-sitwazzjoni li baqgħet tinbidel b’konsegwenza li kienet diffiċli biex wieħed fin-negozju jieħu ċerti deċiżjonijiet u jippjana. 

Xiri għad-dar u l-affarijiet ta’ kuljum

“Il-konsum ma kienx wieħed b’saħħtu biżżejjed li jagħti spinta ħalli jagħmel tajjeb għaż-żmien aktar iebes li għadda. L-għażla ta’ xiri baqgħet komparabbli ħafna ma’ dak li beda fi żmien il-Covid-19, jiġifieri li wieħed jonfoq aktar fuq id-dar u fuq l-affarijiet ta’ kuljum u inqas fuq il-ħruġ u fuq l-affarijiet tal-okkażjoni. Dawn tal-aħħar, ovvjament, baghtew l-aktar bħala bejgħ,” kompliet Agius Mamo. 

Hija żiedet tinnota li l-aspettattivi tan-negozji fejn jidħol il-bejgħ ma kienux kbar però kien hemm ix-xewqa u l-bżonn li l-bejgħ ikun aħjar.  

Għall-2022 il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji tħoss li hemm bżonn li nagħmlu passi akbar biex nersqu lejn in-normalità. “L-ewwelnett, fuq livell Ewropew u globali t-turizmu jrid jiġi ffacilitat għax dan għadu diffiċli wisq u r-regoli bejn il-pajjiżi jridu jiġu ffaċilitati mhux nagħmlu dak kollu possibbli biex naqtgħu qalb dak li jkun,” wissiet il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs. 

Fi tmiem l-intervent tagħha Abigail Agius Mamo saħqet li, “il-kwarantina f’pajjiżna trid tinżel drastikament skont l-aħħar rakkomandazzjoni tas-CDC, jiġifieri dawk li jkunu pożittivi jkollhom kwarantina ta’ ħamest ijiem jekk ikunu bla sintomi jew bla deni għal aktar minn 24 siegħa u min ma jkunx pożittiv, ikun bla kwarantina fi kwalunkwe ċirkostanza”.

Ekonomija

Sport