Jitlaqqa’ l-MCESD biex jiddiskuti l-ħidma li għaddejja biex Malta tibqa’ preparata quddiem l-isfidi fil-qasam tal-enerġija u l-provvista tagħha
Minn Claudio Coleiro
Waqt laqgħa tal-MCESD fil-Berġa’ ta’ Kastilja, l-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti ngħataw spjegazzjoni dwar il-ħidma li għaddejja biex Malta tibqa’ preparata quddiem l-isfidi fil-qasam tal-enerġija u l-provvista tagħha. Diskussjoni li saret fl-isfond tas-sitwazzjoni internazzjonali li qed tinbidel b’mod mgħaġġel fejn qed naraw pajjiżi diġà qed jesperjenzaw nuqqas ta’ provvista u żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija. Għalhekk l-importanza ta’ pjan nazzjonali f’dan ir-rigward tkompli tiżdied biex flimkien inkunu nistgħu nkomplu noffru stabbiltà u nilqgħu għal xokkijiet esterni fl-ekonomija tagħna.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela li fir-rimarki introduttorji tiegħu qal li filwaqt li ħafna pajjiżi barra minn xtutna bħalssa jinsabu f’sitwazzjoni li ddeskriviha kaotika, hawn Malta għandna serħan il-moħħ u stabbiltà.
Dr Abela qal li għal darb’oħra erġajna msejħin f’dan il-mument ta’ sfida internazzjonali kbira, fejn għandna realtà ġeo-politika li tixxukkjak, suq tal-enerġija li huwa impattat minn xokkijiet li stqarr li qatt ma ra bħalhom qabel. “Għal darb’oħra qegħdin hawn biex inkomplu nippjanaw it-triq ’il quddiem għal dan il-pajjiż,” żied jgħid il-Prim Ministru.
Huwa nnota l-ħidma li qed issir minn tim b’saħħtu f’dan is-settur, b’kapijiet eżekuttivi ta’ entitajiet differenti li huma konċernati fis-suq tal-enerġija u taħt it-tmexxija tal-Ministru Miriam Dalli. Kien hawn fejn qal li jidħol l-element tal-esperjenza, maturità, il-ħila u l-kompetenza.
“Għandi sens ta’ serenità u serħan il-moħħ sħiħ anke miegħi nnifsi għax għal dan il-mument konna preparati. Filwaqt li ħadd m’antiċipa dak li kien se jiġri ftit tal-ġimgħat ilu, imma konna preparati għal diċ-ċirkostanza. Konna ppreparati mil-lat ta’ provvista, bil-ftehimiet li għandna u nagħti serħan il-moħħ li aħna moqdijin għal-lum, għal għada, sa Awwissu u anke lil hinn.
“It-tieni serħan il-moħħ nagħtih fuq il-kwistjoni tal-prezzijiet. Il-politika tagħna hi li nibqgħu nagħtu l-għajnuniet kollha li huma meħtieġa kemm lin-negozji kif ukoll lill-familji,” tenna l-Prim Ministru. “Filwaqt li għenna u aktar milli għenna, id-dħul tal-gvern sploda ’l fuq. Huwa dak id-dħul li qed jippermettilna li nibqgħu nkunu ta’ sostenn minkejja l-fatt li l-prezz taż-żejt sploda ’l fuq.”
Paralellment ma’ dawn iż-żewġ strateġiji – il-garanzija tal-provvista u l-garanzija tal-istabbiltà fil-prezzijiet, il-Prim Ministru stqarr li l-Gvern qiegħed ikompli jaħseb għall-futur. “Aktar tard din is-sena jitqiegħed it-tieni interconnector. Diġà bdiet il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tat-tielet interconnector. U mbagħad kif se nkomplu nsaħħu l-provvista tal-enerġija rinovabbli. Sodisfatt li minn 3% ftit tas-snin ilu, din telgħet għal 17%. Fadal ħafna aktar fejn nitilgħu,” qal Dr Abela.
Huwa rrefera wkoll għal statistika riċenti tal-Eurostat li kienet turi li fi Frar, il-medja fl-UE tal-inflazzjoni kienet dik ta’ 2%, waqt li sa Marzu din telgħet għal 3%. Qal li l-pajjiż li ma kienx impattat bl-inflazzjoni kienet proprju Malta. “Hemm fejn nifhmu li l-politika ta’ sostenn fis-suq tal-enerġija hi kruċjali,” qal il-Prim Ministru.
Fl-istess waqt, il-Prim Ministru semma kif l-IMF tat ċeritifkat ieħor pajjiżna fejn qalet li sa ħames snin oħra filwaqt li l-bqija tal-istati membri tal-UE se jkollhom defiċits tagħhom li jibqgħu ’l fuq minn 3%, dak ta’ pajjiżna se jinżel fl-immedjat taħt it-3% u se jibqa’ hekk sal-2031.
“Dawn huma riżultati pożittivi ta’ din il-politika ta’ inċentiv u sostenn fis-suq tal-enerġija,” temm jgħid il-Prim Ministru.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli tennet li meta nitkellmu dwar dan is-settur, hemm żewġ pilastri li dejjem żammejna quddiemna – li nżommu l-prezzijiet stabbli u li nassiguraw dejjem stabbiltà fejn tidħol il-provvista. “Nistgħu nagħmlu dan għax illum għandna ekonomija b’saħħitha. Għandna finanzi b’saħħithom. Dan jippermettilna biex inkunu qed ngħinu lill-membri li intom tirrappreżentaw,” qalet il-Ministru Dalli.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif jaħdem l-MCESD fejn wara li aktar kmieni din il-ġimgħa ssejħet din il-laqgħa, qegħdin hawn jiltaqgħu flimkien. Dan sabiex ikomplu jiddiskutu temi importanti u ta’ interess nazzjonali.
Għal din il-laqgħa, f’isem il-GWU, kien hemm preżenti is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja u s-Segretarju Ġenerali (Designate) Kevin Camilleri.

