Friday, November 15, 2024

Il-Polonja qed toġġezzjona u mhix tikkopera fuq l-iskema ta’  rilokazzjoni  ta’ immigranti

…tisħaq li mhix se tikkopera mal-iskema proposta mill-Kummissjoni Ewropea

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-iskema ta’ rilokazzjoni ta’ immigranti li kienet ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea, qiegħda ssib oppożizzjoni kbira mill-Polonja. Mhux biss qegħdin joppona din l-iskema, iżda proprju fl-aħħar sigħat saret dikjarazzjoni li l-gvern Pollakk mhux se jikkopera ma’ skemi ta’ rilokazzjoni ta’ immigranti sfurzati. 

Il-proposta li kienet saret kienet dik li jkun hemm skema ta’ rilokazzjoni ta’ 120,000 immigrant fis-sena. Il-proposta kienet tgħid li l-pajjiżi li jirrifjutaw li jaċċettaw immigranti mir-rilokazzjoni, iridu jħallsu €22,000 għal kull immigrant, liema flus irid jitħallsu lil pajjiż li fih ikunu l-immigranti li jkunu se jiġu rilokati. 

Kien il-Ministru Szymon Szynkowski vel Sęk, li ddikjara dan. Hu enfasizza li “mhu se jkun hemm ebda kunsens minn naħa tal-Polonja għal skema ta’ rilokazzjoni sfurzata. Irridu nikkonċentraw fuq l-isfidi elementari u għodda effettivi”. 

Hu rrefera għall-fatt li l-Polonja kien irnexxielha b’mod effettiv tieħu ħsieb l-akbar kriżi ta’ migrazzjoni li kienet seħħet minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija fejn speċifika li kien qed jirreferi għall-ammont ta’ persuni li daħlu fil-Polonja wara li ħarbu mill-Ukrajna bl-invażjoni Russa. Il-Polonja kienet irċeviet madwar 2 miljon refuġjat u 10 miljun qasmu fi żmien ftit jiem mill-Ukrajna lejn il-Polonja. 

Din l-iskema sfurzata kienet diskussa fl-aħħar kiem f’laqgħa li saret għall-Ambaxxaturi tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, fejn il-Polonja għamlitha ċara li mhix taqbel mal-iskema b’mod partikolari l-aspett finanzjarju.

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li “se tkun diffiċli minn kif inhi l-klima bħalissa li d-diskussjonijiet dwar din l-iskema jintemmu sa Lulju li ġej. Apparti l-Polonja hemm pajjiżi oħra li huma xettiċi u fost dawn hemm pajjiżi oħra tal-lvant. Anki l-Ġermanja, sa issa għadha mhix qed tagħti l-approvazzjoni tagħha.” L-istess sorsi qalulna li minħabba in-nuqqas ta’ qbil sa issa hu prematur biex wieħed jgħid x’se jiġri minn din l-iskema u meta se tiddaħħal.

Ekonomija

Sport