Wednesday, April 24, 2024

Indirizzat periklu serju mill-passaġġ li jgħaqqad lil Ħaġar Qim mal-Imnajdra

… barra li estetikament kien jagħti impressjoni ta’ traskuraġni

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-wirt patrimonju huwa wirt li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra u l-ħarsien tiegħu huwa ta’ importanza għall-valur storiku ta’ kull pajjiż. Malta, minkejja li hija pajjiż żgħir ħafna, hija mogħnija b’siti storiċi li ta’ kull sena jattiraw turisti minn madwar id-dinja kollha. Il-ħarsien tiegħu, barra li huwa obbligu, huwa wkoll investiment f’settur li tant irendi għal pajjiżna.

Sit li saħansitra huwa rikonoxxut mill-UNESCO u li dan l-aħħar il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ta tagħrif dwaru, huwa dak ta’ Ħaġar Qim. Fir-rigward irriżulta li qiegħed ikun indirizzat periklu serju mill-passaġġ eżistenti li jgħaqqad dan it-tempju mal-Imnajdra. 

F’kumment li ta’ lil dan is-sit, il-Ministru Owen Bonnici kkonferma li fil-Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra għaddej ix-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ dan il-passaġġ, xogħol li qiegħed isir b’investiment ta’ kważi €400,000. L-għan wara dan ix-xogħol, hekk kif spjega l-Ministru Bonnici huwa li kemm il-viżitaturi, kif ukoll vetturi ta’ emerġenza jkunu jistgħu jgħaddu aktar faċilment u anke għall-manutenzjoni tas-siti nfushom.

Il-passaġġ inkwistjoni jirriżulta li nbena fil-bidu tas-snin 60 u wara dan il-perjodu twil ta’ użu, il-biċċa l-kbira taċ-ċangaturi tal-franka nkisru. Fil-parlament il-Ministru Bonniċi qal li, “dan b’konsegwenza li rriżulta f’periklu serju għas-sigurtà tal-viżitaturi. Dan minbarra li estetikament ma kinux pjaċevoli u kienu jagħtu impressjoni ta’ traskuraġni. Barra minnhekk, infurmat li xi partijiet tal-ħitan tal-konkrit li jżommu dan il-passaġġ sofrew ħsarat strutturali u kien hemm sogru li jaqgħu”.

Sitwazzjoni ta’ emerġenza… ambulanza ma setgħetx tinżel l-Imnajdra

Il-Ministru Bonnici qal dan fuq mistoqsija li saritlu mid-Deputat tal-PN, Julie Zahra, li staqsiet għala qiegħda titkabbar ir-rampa bejn l-Imnajdra u Ħaġar Qim. Huwa elabora aktar fejn spjega li, “Heritage Malta kienet iffaċċjata b’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fejn viżitaturi kellhom jiġu assistiti minn tim mediku waqt li kienu fl-Imnajdra. Minħabba l-wisggħa limitata tal-passaġġ, ambulanza ma setgħetx tinżel l-Imnajdra. Seħħew ukoll għadd ta’ nirien fiż-żona madwar is-siti megalitiċi iżda l-vetturi tal-Protezzjoni Ċivili ma setgħux jilħqu s-sors tan-nar, b’riskju ta’ ħsara serja kemm lill-istrutturi megalitiċi – li huma elenkati bħala Siti ta’ Patrimonju Dinji – kif ukoll lill-ambjent naturali ta’ dan is-sit ta’ Natura 2000”.

Il-Ministru Bonnici qal li Heritage Malta studjat disinji alternattivi għal passaġġ ġdid, filwaqt li kkonsidrat il-kuntest tal-madwar, il-loġistika u l-metodoloġija tax-xogħol li għandha tiġi adottata biex is-siti jinżammu aċċessibbli u biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impatt fuq is-siwi arkeoloġiku u ekoloġiku taż-żona. 

Disinn aħjar biex jiġi fffaċilitat l-aċċess

“Fl-istess ħin, Heritage Malta kellha tagħżel disinn aħjar biex jiġi ffaċilitat l-aċċess f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Għalhekk, infurmat li Heritage Malta kellha żżid il-wisa’ tal-passaġġ mingħajr ma tiġi estiża l-istruttura lil hinn mill-pedament eżistenti tagħha. Dan wassal għall-ħtieġa li kull naħa tal-passaġġ tisporġi b’35 ċm ’il barra bla ma jitwessgħu l-pedamenti. Infurmat li strutturalment, dan seta’ jitwettaq biss bl-użu ta’ planki tal-konkrit,” kompla l-Ministru Bonnici.

Mil-lat tekniku, huwa spjega li ntgħażlet sistema ta’ precast minflok jingħata l-konkrit fuq il-post biex jitnaqqas kwalunkwe riskju ta’ tixrid ta’ materjal u biex tiġi ffaċilitata l-kostruzzjoni. Il-wiċċ tal-planki qiegħed jitħalla biż-żrara tal-qawwi mqabbża biex il-kulur aħħari tal-planki tal-konkrit jaqbel aktar mal-ambjent ta’ blat fil-madwar. Il-livelli tal-passaġġ eżistenti mistennija jinbidlu wkoll f’għadd ta’ punti bil-għan li tiġi segwita t-topografija taż-żona u fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta’ waqgħat minn għoli eċċessiv tul dawn il-punti.

Sistema ġdida ta’ tifi tan-nar

Il-Ministru Bonnici enfasizza li biex jitjieb l-aċċess għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’każ ta’ nirien, huwa infurmat li qiegħda tiġi integrata wkoll sistema ta’ tifi tan-nar fil-passaġġ il-ġdid li mhux biss se tilħaq lill-Imnajdra iżda se jkollha wkoll għad ta’ punti ma’ fejn jistgħu jitqabbdu l-pajpijiet tal-ilma. Il-passaġġ il-ġdid se jiffaċilita wkoll il-manutenzjoni tal-ilqugħ li jgħatti ż-żewġ siti. 

Dawn ix-xogħlijiet huma skont mill-permess għall-iżvilupp PA1637/20, li minbarra r-rikostruzzjoni tal-passaġġ jinkludi wkoll it-tibdil tal-kmamar tal-uffiċjali tas-sigurtà li kien hemm s’issa f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Bonnici qal li, “matul il-proċess tal-ippjanar u qabel ma nħareġ il-permess, kien hemm konsultazzjoni kontinwa kemm mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kif ukoll mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li t-tnejn qegħdin jissorveljaw ix-xogħlijiet li għaddejjin. Il-periti u l-arkeologi ta’ Heritage Malta qegħdin jagħmlu monitoraġġ u sorveljanza kontinwa wkoll”.

Huwa qal lil dan il-ġurnal ukoll li parti minn dan il-proġett tinvolvi wkoll kmamar tas-sigurtà u servizzi anċillari għall-viżitaturi minflok l-istrutturi li hemm illum.

Il-Ministru Owen Bonnici temm jassigura li, kif mitlub fil-linji gwida dwar l-operat, il-UNESCO jiġu infurmati b’xogħol ta’ manutenzjoni bħal dan fir-rapporti li jintbagħtu fuq bażi regolari.

Sport