Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont għadni tifel żgħir. Fil-familja tiegħi l-futbol dejjem kien sport maħbub ħafna, u kemm missieri kif ukoll ħija kienu jilagħbuh. Għalhekk, ħaduni nibda nittrenja mat-tim tal-lokal, Dingli Swallows, f’Ħad-Dingli. Minnufih ħassejtni miġbud lejn dan l-isport, u minn dak il-mument bdiet tikber l-imħabba tiegħi għall-futbol. Kien proprju ma’ Dingli Swallows li bdejt l-ewwel passi tiegħi fil-futbol u fejn żviluppajt il-passjoni li għandi għal dan l-isport sal-lum.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tal-Minors u anke ma’ dak tal-kbar ta’ Hibernians.
Minħabba r-regolamenti tal-futbol f’Malta, s’issa għadni ma kellix l-opportunità nilgħab mat-tim tal-Minors ta’ Hibernians. Madankollu, il-kowċ tat-tim, Andrei Agius, stedinni biex nibda nittrenja mat-tim tal-kbar. Din kienet esperjenza importanti ħafna għalija u pass eqreb lejn il-ħolma ta’ kull plejer li jħobb il-futbol. L-opportunità li nittrenja ma’ plejers professjonali ta’ livell għoli taghtni aktar motivazzjoni u determinazzjoni biex inkompli nikber u niżviluppa l-ħiliet tiegħi bħala plejer.
X’ tikkummenta fuq id-debutt li għamilt mat-tim tal-kbar ta’ Hibernians fit-30 ta’ April li għadda kontra Zabbar SP?
Id-debutt tiegħi mat-tim tal-kbar ta’ Hibernians ta’ 16-il sena kontra Zabbar SP kien mument inkredibbli għalija. Ħassejt eċċitament kbir u anke ftit nervożiżmu fil-bidu malli dħalt imma mal-hin fil-logħba bdejt inħossni aktar kunfidenti b’dak li bdejt naghmel. Kien unur kbir li nilbes il-flokk tat-tim tal-kbar u esperjenza li dejjem se nibqa’ niftakar.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Andrei Agius?
Andrei Agius huwa kowċ eċċezzjonali b’ħafna snin ta’ esperjenza fil-futbol bħala plejer kemm f’Malta kif wkoll internazzjonali. Huwa jemmen ħafna fil-plejers tiegħu u jagħtihom il-kunfidenza meħtieġa biex jilagħbu b’fiduċja u jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Dejjem iħeġġek tagħti l-aħjar tiegħek u tfittex li titjieb kontinwament, mingħajr ma tikkuntenta b’dak li diġà ksibt. Anke barra mill-pitch, kowċ Andrei Agius huwa persuna rispettata ħafna mill-plejers, mill-ġenituri tagħna u mill-partitarji. Hu dejjem ikun lest biex joffri l-għajnuna u l-gwida tiegħu. Il-pariri u l-esperjenza tiegħu jgħinuk mhux biss tikber bħala plejer, iżda wkoll tiżviluppa bħala persuna b’valuri sodi u mentalità professjonali.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza mill-aqwa li kellek riċentement mat-tim nazzjonali ta’ taħt is-16 u s-17-il sena, fejn skorjat diversi gowls importanti?
L-esperjenzi riċenti tiegħi mat-tim nazzjonali ta’ taħt is-16 u s-17-il sena kienu fost l-aktar mumenti memorabbli fil-karriera tiegħi s’issa. Inħossni sodisfatt ħafna li stajt nikkontribwixxi għas-suċċess tat-tim permezz tal-gowls importanti li skorjajt u tal-prestazzjonijiet tiegħi fil-grawnd.
Kien ukoll unur kbir għalija li ġejt magħżul bħala captain tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena, responsabbiltà li ġarrejt bi kburija u dedikazzjoni. Dejjem inħoss sens qawwi ta’ kburija meta nilbes il-flokk ta’ pajjiżi u nirrappreżenta lil Malta. Dawn l-esperjenzi kienu mumenti ta’ emozzjoni u unur kbir li jkomplu jimmotivawni biex naħdem aktar, nitjieb kontinwament u nilħaq livelli ogħla fil-futbol.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’ħafna ambizzjoni, determinazzjoni u dedikazzjoni, filwaqt li nibqa’ ffukat fuq il-progress pass pass u sena wara sena. L-għan tiegħi huwa li nkompli niżviluppa l-ħiliet tiegħi, nikseb aktar esperjenza fil-livell tal-kbar b’mod regolari u nkompli nirrappreżenta lil pajjiżi bl-aħjar mod possibbli. Se nibqa’ naħdem bis-sħiħ kuljum, b’umiltà u impenn, biex xi darba nilħaq il-miri li dejjem ħlomt bihom fil-karriera tiegħi fil-futbol.
Għaddi messaġġ finali lil dawk kollha li jixtiequ jibdew jilagħbu l-futbol.
Lil dawk kollha li jixtiequ jibdew jilagħbu l-futbol, nixtieq ngħidilhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom u jibqgħu jemmnu fihom infushom. Huwa importanti li tgawdi kull mument fil-grawnd u dejjem tfittex modi kif titjieb u tiżviluppa l-ħiliet tiegħek. Evita li tqabbel lilek innifsek ma’ ħaddieħor, għax kull persuna għandha l-kwalitajiet u l-kapaċitajiet uniċi tagħha. Dejjem agħti l-aħjar li tista’, aħdem b’dedikazzjoni u perseveranza. Fuq kollox, ftakar li l-aktar ħaġa importanti hija li tieħu gost tilgħab il-logħba tal-ballun!



