Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol minn dejjem kien parti kbira u importanti minn ħajti. Kont bdejt inħobb u għadni nħobb il-logħba minn mindu kont żgħir ħafna. Niftakarni nagħmel blalen minn karti użati u niġri madwar id-dar, naħseb li l-għamara kienu difensuri u li kont qed nilgħab logħba, irrid naqbizhom biex niskurja f’loghba importanti kull meta kont inkun id-dar.
Għalkemm kont inħobb nilgħab, dejjem kelli l-paċenzja u interess kbir li naraha fuq it-televixin. L-imħabba għal-logħba żviluppat waħedha, xi ħaġa li ġiet minni, qatt ma kelli membri tal-familja li jinfluwenzawni biex inħobb u nsegwi l-futbol imma dejjem inħobbu ħafna u dejjem kont nipprova nsib opportunitajiet biex nara l-logħob fuq it-televixin, li kien ħafna aktar diffiċli dak iż-żmien milli hu llum.
Marti dejjem tgħidli li aktar minn nofs il-konverżazzjonijiet tiegħi huma relatati mal-futbol, u hawn irrid nieħu l-opportunità biex nirringrazzjaha tal-paċenzja li tieħu bija.
X’tikkummenta fuq l-andament tat–tim matul l-istaġun li għadda?
L-istaġun li għadda, ma kellniex il-konsistenza meħtieġa biex inżommu livell għoli ta’ prestazzjoni ġimgħa wara ġimgħa, xi ħaġa essenzjali jekk trid tilħaq il-miri tiegħek.
Stajna għamilna ħafna aħjar, iżda l-unika triq ’il quddiem hija li nitgħallmu minn dawn l-esperjenzi u naħdmu bis- sħiħ biex niżguraw li l-istess żbalji ma jerġgħux iseħħu. Hija ħasra, għax sar ħafna xogħol tajjeb minn grupp ta’ plejers dedikati ħafna, għalkemm dan mhux dejjem kien rifless fil-wirjiet tagħna fil-grawnd.
Madankollu, irridu nagħrfu wkoll l-aspetti pożittivi. Irnexxielna naslu sal-finali tal-Jubilee Cup u kellna l-ewwel fażi tal-kampjonat b’saħħitha ħafna. Fil-fatt, sal-aħħar żewġ logħbiet tal-opening round, konna għadna fil-ġlieda biex nispiċċaw mal-ewwel tnejn fil-klassifika. Sfortunatament, għaddejna minn xi mumenti diffiċli fil-Closing Round, fejn ħadna numru konsiderevoli ta’ draws, li fl-aħħar mill-aħħar affettwaw il-pożizzjoni finali tagħna.
B’mod ġenerali, nifhmu l-isfidi li ffaċċjajna, nagħrfu fejn żbaljajna u nafu x’għandna nagħmlu biex intejbu l- prestazzjonijiet tagħna. L-aktar ħaġa importanti hija li tgħallimna lezzjonijiet importanti li għandhom jgħinuna nkunu aħjar fil-futur.
Kif qed tħarsu lejn l–istaġun li ġej?
Naturalment, klabbs kbar dejjem jimmiraw kemm jista’ jkun għoli, bl-għan ewlieni li jirbħu t-titli, u Sliema mhijiex eċċezzjoni. Aħna konxji bis-sħiħ tal-kompetizzjoni qawwija li se niffaċċjaw, hekk kif il-MPL sar kampjonat ferm kompetittiv. Mhux biss il-format tiegħu għamlu aktar diffiċli, iżda l-livell tat-timijiet ukoll żdied b’mod sinifikanti, tant li kull partita saret sfida kbira.
Minkejja dan, nibdew l-istaġun bl-ambizzjoni u t-twemmin li nistgħu nikkompetu mal-aqwa timijiet. Se nieħdu partita b’partita u naraw fejn iwassalna dan il-vjaġġ, iżda jiena fiduċjuż li għandna l-kwalità, id-determinazzjoni u l- mentalità meħtieġa biex nagħmlu dan staġun memorabbli.
Għadu kemm tħabbar li Walter Arciola se jkun il–president ta’ Sliema Wanderers. X’tikkummenta?
L-ewwel nett, nixtieq nirringrazzja lill-eks president Keith Perry għall-kontribut siewi tiegħu lejn Sliema Wanderers FC.
It-tieni nett, nemmen li jekk kien hemm persuna li kellhu jieħu r-riedni wara Keith Perry, dan kellu jkun is-Sur Arciola. Huwa persuna dedikata ħafna li jħobb lil Sliema u li dejjem ta l-aħjar tieghu għall-klabb. Meta jkollok persuna li għandhu l-aqwa interessi tal-klabb għal qalbu u li huwa lest jagħmel dak kollu possibbli biex jiżgura li l-klabb jibqa’ fil-quċċata, mela m’għandekx fiex titfixkel u għalhekk nemmen li huwa l-persuna ideali għal dan ir-rwol.
Jiena fiduċjuż li s-Sur Arciola u t-tim tiegħu huma n-nies idejali biex jirristrutturaw il-klabb u jwassluh għall-pass li jmiss. Nawguralhom kull suċċess u nħares ’il quddiem biex nagħti s-sehem tiegħi, fir-rwol tiegħi, għas-suċċess kontinwu ta’ Sliema Wanderers FC.
Kif tqis il-livell tal-futbol f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tagħna qed jiżdied, għalkemm se nkun sinċier, bħala kowċ u anke bħala newtrali, meta mmur l-istadium biex nara logħba, nixtieq ħafna li l-livell ikun ogħla imma mhix xi ħaġa li tista’ tagħmel jew tbiddel f’qasir zmien, imma jrid ikun hemm proċess, struttura – pjan, biex tgħin biex jiżdied il-livell f’dan il-pajjiż.
Nemmen li kull klabb f’Malta għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jieħu ħsieb it-talent Malti u jgħinu jiżviluppa biex jasal sal-quċċata u jkollu bilanċ tajjeb bil-plejers barranin li jkun effettiv biex iżid il-livell tal-logħob fil-kampjonat tagħna.
It-taħlita ta’ kowċis Maltin u barranin ġabet bidla kbira tattikament, hekk kif il-klabbs huma aktar organizzati tattikament kemm fil-fażijiet tal-logħob kif ukoll fis-set pieces per ezempju u allura għal nies bħali, li nħobbu jaraw logħba fid-dettall, saret aktar interessanti u opportunita li nitgħallmu minnha.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Dan huwa suġġett delikat u iebes. Irridu nifhmu li pajjiżna mhux pajjiż bħal Spanja, l-Italja, l-Ingilterra eċċ. Apparti mill-aspett finanzjarju, li trid investiment qawwi biex jkollok faċilitajiet mill-aqwa, hemm ukoll l-aspett ta’ art, li kull klabb, aqta’ xi wħud, hija iebsa għalihom.
Rigward fejn nilagħbu, prinċipalment – l-Istadium Nazzjonali u t-Tony Bezzina Stadium, u anke meta lgħabna fil-Gozo Stadium l-istaġun li għadda, huma miżmuma tajjeb u huma grawnds tajbin ħafna.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Din qed tinbidel għall-aħjar, imma sfortunatament, għad għandna nuqqasijiet meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. Dan huwa suġġett fejn irid jibda mill-etajiet iż-żgħar aktar milli mill-futbol tal-kbar. Ovvjament nemmen li l-adulti – kustodji u ġenituri, flimkien mal-istituti edukattivi jridu jiġu edukati biex ma jagħtux prijorità lill-iskola fuq il-futbol, jew l-isport jew viċi-versa imma jippriedkaw l-immaniġġjar tal-ħin. Għandi ħbieb li lestew degree/masters, mhux relatati mal-isport innifsu, filwaqt li sabu bilanċ tajjeb sabiex ikomplu jilagħbu l-futbol fl-ogħla livell f’Malta.
Ma nemminx li persuna trid tittraskura l-iskola biex tiffoka biss fuq il-futbol u lanqas bil-kontra, fejn wieħed ma jistax isegwi l-ħolm tiegħu biex jasal sal-ogħla livell minħabba l-iskola, imma kollox jibda billi jkollok l-edukazzjoni t-tajba dwar l-immaniġġjar tal-ħin u l-bilanċ fil-ħajja, minn età żgħira ħafna u din sfortunatament, naraha nieqsa ħafna fl-etajiet iż-żgħar.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi – agħmel dak li jimmotivak u dak li jagħmlek kuntent. Tħarisx lura fil-ħajja u tgħid ‘x’kien jiġri kieku..’ għax ma tistax iġġib iż-żmien lura imma l-preżent u l-futur huma fil-kontroll sħiħ tiegħek. Ma nħobbx nuża l-kelma sagrifiċċji, nirreferi għal sagrifiċċji meta nkun qed nagħmel xi ħaġa li ma nħobbx nagħmel jew ta bilfors, imma meta taħdem fil-futbol, kemm bħala plejer kif ukoll bħala staff tekniku, huwa għax għandek passjoni kbira u mħabba qawwija għal-logħba, allura mhuwiex sagrifiċċju, huwa privileġġ li jkollok l-opportunità li taħdem f’din l-industrija u tkun xi tkun il-ħolma tiegħek, trid taħdem ħafna, għax xejn mhu faċli u trid taħdem b’mod professjonali biex tilħaq il-quċċata u aktar importanti minn hekk, biex tibqa’ fil-quċċata!



