Sunday, December 22, 2024

Il-Polonja tgħid li missila Russa għamlet 3 minuti fit-territorju tagħha

Espert Militari jinnota li minkejja li ntilef il-kuntatt ma jistgħux jaslu għal konklużjonijiet

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Forzi Armati tal-Polonja jemmen li missila Russa daħlet fuq it-territorju tagħhom u għamlet madwar tliet minuti sakemm ġiet iddevjata lejn l-Ukrajna.

Gen Wieslaw Kukula qal li hu stmat li l-missila vjaġġat 40 Kilometru fl-ispazju tal-ajru Pollakk matul il-jum tal-bieraħ. Dan hekk kif l-Ukrajna ddikjarat li proprju lbieraħ kien l-iktar jum li fih r-Russja attakkat mill-ajru sa mill-bidu tal-invażjoni.

Il-President Pollakk Andrezej Duda sejjaħ għal laqgħa t’emerġenza wara li l-oġġett inqabad fuq is-sistema tar-radar. Madwar 200 uffiċjal tal-Pulizija kienu ordnati jwettqu tfittxija fiż-żona minħabba l-possibbiltà li l-missila setgħet waqgħet fl-art tagħhom.

Minn naħa tiegħu l-gvern Pollakk ma eskludiex li din setgħet kienet xi provokazzjoni jew mod ta’ kif jittestjaw ir-reazzjoni tagħhom u saħaq li se jkun qiegħed jaħdem fuq iż-żewġ xenarji b’reqqa.

Minn naħa l-oħra espert militari Pollakk qal li huwa prematur biex tikkonkludi li dan l-oġġett li ma ġiex identifikat kien verament missila Russa, anke minħabba l-fatt li din baqgħet ma nstabitx. Madanakollu huwa qal li minkejja li dan l-oġġett ma baqax jidher fuq is-sistema, m’hemm l-ebda ċertezza li dan kien ħalla l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Ekonomija

Sport