Monday, April 29, 2024

L-ispejjeż tad-Dar tal-Providenza huma kbar … ilaħħqu mas-€6.5 miljun fis-sena

Aqra wkoll

Ninsabu fuq l-għatba ta’ sena ġdida. U kif jiġri ta’ kull sena, fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida, tittella’ l-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza bil-għan li jinġabru fondi sabiex din id-dar tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha. 

L-ispejjeż huma kbar u d-Dar tal-Providenza għandha bżonn mas-€6.5 miljun biex tkun tista’ tibqa’ għaddejja bil-missjoni tagħha li toffri ambjent dinjituż u kif jixraq lill-persuni b’diżabilità. 

Dan is-sit ilbieraħ tkellem mad-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef dwar l-importanza ta’ din il-maratona u l-preparamenti li għaddejjin bħalissa marbuta ma’ din l-attività.

Huwa beda biex qalilna li din il-maratona semmewha “Festa ta’ Ġenerożità” għaliex qed jistiednu lill-poplu Malti u Għawdxi biex fl-ewwel jum tas-sena jkompli juri min tassew hu – poplu ġeneruż – kif rajna wkoll waqt “l-Istrina” ta’ din is-sena. 

“F’dawn il-granet il-poplu dejjem isib dik ix-xi ħaġa x’jagħti minn dak li jkollu biex jissostanzja servizzi bħal tagħna jew servizzi oħra li jingħataw għall-ġid tal-individwi li jkollhom bżonn xi tip ta’ sapport,” qal id-Direttur tad-Dar tal-Providenza. 

Din id-Dar tospita 115-il persuna b’diżabilità. Dawn huma individwi li għandhom il-bżonnijiet tagħhom, l-aspirazzjoni u x-xewqat tagħhom, u s-servizzi li toffri d-Dar iduru ma’ dawn il-bżonnijiet.

“Biex inkomplu noffru dawn is-servizzi residenzjali, anke lil nies li jkolhom bżonn residenza temporanja għal qasir żmien (respite) għandna bżonn ‘il fuq minn €6.5 miljun fis-sena. Għalhekk ikollna bżonn nagħmlu dawn l-attivitajiet biex is-servizzi li d-Dar tat għal aktar minn 55 sena nibqgħu nagħtuhom,” huwa żied jgħid.

Semma wkoll kif ċertu siġġijiet tar-roti li jkollhom bżonn dawn il-persuni jiswew eluf ta’ ewro. Dawn iżda jkunu ta’ għajnuna kbira għalihom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u b’hekk ikunu aktar indipendenti u komdi fl-istess ħin għaliex jużawh għal ammont twil ta’ ħin. 

Fr Micallef qal ukoll li d-donazzjonijiet li se jinġabru waqt il-Festa ta’ Ġenerożità se jgħinu wkoll lid-Dar sabiex ikun jista’ jissokta x-xogħol fuq il-proġett estensiv ta’ rinovazzjoni f’Villa Papa Giovanni. 

Huwa appella lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikompli jsostni l-ħidma tad-Dar biex persuni li jagħmlu użu mis-servizzi tagħhom ikollhom dejjem aktar ambjent u servizzi li jirrispettaw id-drittijiet u d-dinjità tagħhom. 

Fr Micallef temm billi għadda messaġġ ieħor lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikompli juri rispett u dinjità lill-persuni b’diżabilità u noffrulhom kif inhu xieraq u kif inhu dritt tagħhom opportunitajiet indaqs biex huma wkoll jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunità u jagħtu l-kontribut tagħhom.

Il-Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin bejn l-10.00 a.m. u nofsillejl. Fid-9.30 a.m., TVM2 ixandar il-quddiesa li se titmexxa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna mill-kappella tad-Dar. 

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tat-telefon: €10 – 51602012, €15 – 51702013, €25 – 51802014, €50 – 51902085, €100 – 51302022 SMS €7- 50618922. Wieħed jista’ ukoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Matul il-ġurnata se jsir ukoll irkant online ta’ xogħlijiet tal-arti li se jkunu wkoll esebiti dakinhar fil-sala tad-Dar tal-Providenza. B’mod fiżiku, wieħed jista’ jara l-katalgu sħiħ, fuq www.dtpauction.com. Il-bidding online jista’ jsir minn fuq is-sit elettroniku: belgraviaauctions.com.

Sport