Fiċ-ċentru tal-Presidenza tagħha li bdiet eżattament bħal-lum sena ilu, il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono poġġiet lill-poplu. Għaliha, il-poplu huwa dejjem prijorità għaliex is-sovranità tal-poplu hija inaljenabbli. Għax ma tistax tkun tħobb u tirrispetta lil pajjiżek jekk ma tkunx tħobb u tirrispetta lill-poplu. Dan il-ħsieb jirrispekkja l-għan li l-poplu huwa fuq kollox u fuq kulħadd.
Fl-intervista magħha, hija esprimiet fehmietha dwar diversi aspetti tal-ħajja Maltija, primarjament aspetti politiċi, soċjali u ekonomiċi. Dwar l-ewwel sena tagħha f’din il-kariga, il-President tgħid li użat ħafna minnha biex tkun tista’ tifhem u tadatta ruħha aħjar għal dan l-irwol.
Il-President Spiteri Debono tgħid li l-aktar ħaġa li se tibqa’ tiftakar f’dan il-perjodu hi kemm hemm xogħol li ma jidhirx, u kemm trid tipprepara minn qabel għal meta tiltaqa’ b’mod partikolari ma’ individwi jew rappreżentanti ta’ pajjiżi oħra. Fuq kollox hija nnutat kemm hemm nies għatxana li jkollhom min jilqagħhom u jismagħhom.
Bdejna biex staqsejna lill-President dwar il-qasam soċjali, anke peress li hija kienet ukoll membru tal-ewwel Kumissjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Fil-fatt hija kienet attiva fis-sotto kumitat li jitratta l-ilmenti dwar id-diskriminazzjoni u fastidju.
Mistoqsija jekk tarax li pajjiżna mexa ’l quddiem f’dan il-qasam, il-President wieġbet fl-affermattiv, anke għaliex din timmanifesta ruħha b’mod konkret minħabba r-rapporti u l-kawżi li qed ikun hemm anke fejn jidħol fastidju. Dan fi kliemha huwa xhieda illi l-poplu jaf li għandu fejn jirrikorri.
“Il-fatt li llum dan huwa rikonoxxut fil-Kodiċi tagħna minnu nnifsu huwa deterrent. Huwa deterrent li jnaqqas ħafna mill-inċidenza. Però, kull ħaġa tajba tista’ tiġi abbużata. Inti dejjem tiddependi fuq is-serjetà ta’ dak li jkun. Imma naħseb mxejna iva. L-ikbar inċidenza tidher li hi mill-irġiel fuq in-nisa. Almenu s’issa hekk qed narawha. Imma tista’ tkun l-oppost ukoll u kien hemm istanzi fejn ġrat. Imma din il-materja saret aktar importanti għax daħlu aktar nisa fid-dinja tax-xogħol. Importanti l-fatt li qiegħda hemm biex tipproteġi kull ġeneru,” qalet il-President.

Mistoqsija dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, hija qalet li fuq ċertu aspetti jkun diffiċli li jkun hemm sanzjoni jew penali. Qalet li “l-unika mod kif jista’ jkun hemm penali f’din il-ħaġa jien naraha li jekk inti jkollok liġi ta’ finanzjament mill-Istat għall-partiti. Dan għaliex tista’ tikkombinahom flimkien illi l-finanzjament mill-istat għall-partiti jkun abbinat ma’ li l-partiti jkunu korretti pereżempju f’dan ir-rendikont.
“Fejn jidħol il-finanzjament tal-partiti għadna rridu narawha naqra aktar fil-fond kif din tista’ tiżviluppa. Il-finanzjament tal-partiti mill-Istat għandha wkoll ċertu vantaġġi, almenu prima facie, illi forsi tnaqqas ukoll id-dipendenza bejn il-politika u l-flus tan-negozju. Imma kollox jiddependi fl-aħħar mill-aħħar minn kif in-nies jaċċettaw dik il-liġi u kif josservawha għax barra l-element legali hemm element etiku wkoll,” tenniet il-President.
“L-istanding orders tal-Parlament għandhom jiġu riveduti”
Mistoqsija dwar ċertu xeni mhux aċċettabbli li rajna fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż dan l-aħħar, il-President Spiteri Debono rrikonoxxiet li minn żmien għal żmien mhux fil-Parlament tagħna biss imma anke Parlamenti ta’ barra, naraw dak li hi ssejjaħ bħala “ġiggifogi”. Hija qalet li dak li jkun qed jingħad u l-mod kif ikun qed jingħad xorta jista’ jitwassal bi kliem u anke b’ġesti inqas aggressivi.
“Biss naħseb li iva, l-istanding orders tal-Parlament għandhom jiġu riveduti.Fil-bidu tas-snin 2000, il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici wara li spiċċa mill-mandat tal-Presidenza wkoll kien għamel ċertu xogħol fuq ir-reviżjoni. Kien hemm minnhom li ttieħdu “onboard” anke naqsu l-interventi minn 40 minuta għal nofsiegħa. Imma naħseb li hemm affarijiet oħra li rridu naraw.”
“Anke hemm pereżempju kif inħaddmu ħin allokat għall-Oppożizzjoni. Tkun min tkun l-Oppożizzjoni. Is-sistema tagħna hi li għandna l-alternanza. Il-liġijiet u t-tmexxija tal-Parlament, ir-regoli li jkun hemm, illum jaffettwawni mod jekk inkun qiegħed fil-Gvern, għada nista’ nkun fl-Oppożizzjoni u jaffettwawni mod ieħor.
“Għaldaqstant importanti ħafna li l-istanding orders ikunu ekwi, li jagħtu każ tad-drittijiet, li min qiegħed fil-Parlament jinstema’, u fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż jitwassal il-vuċi tal-poplu li eleġġih,inkluż il-leħen tal-minoranzi fil-Parlament. Dik hija l-bażi tal-istanding orders. Apparti li mbagħad għandek partijiet oħra li huma l-proċedura tal-budget etċ… Imma l-bażi demokratika hi dik, li jkun hemm l-għodda biex il-leħen ta’ min eleġġa r-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament jitwassal.
Dwar il-privileġġ parlamentari, il-President enfasizzat li dan m’għandux ikun abbużat. Imma qalet li hija tal-fehma li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn meta mhux abbużat ikun għodda utli. “Iżda nemmen li għandu jkun hemm xi mod illi jekk tissemma’ persuna, il-persuna msemmija jkollha ċ-ċans illi l-kelma tagħha tinstema’ wkoll. Fuq dan hawn bżonn aktar diskussjoni.”