Sunday, April 6, 2025

Il-poplu fittex politiċi li jisimgħuh, jifhmuh, u jagħmlu xi ħaġa biex jgħinuh – mhux paroli

L-MPE Daniel Attard dwar iż-żieda fl-appoġġ għal lemin estrem

Aqra wkoll

Iż-żieda fl-appoġġ għal lemin estrem u anke l-politika li qed titħaddem f’għadd ta’ pajjiżi li hi simili għal ideoloġija faxxista – anke jekk b’metodi differenti, qiegħda tħasseb lil ħafna. F’kumment lil IT-TORĊA, il-membru Parlamentari Daniel Attard qalilna li “l-poplu fittex politiċi li jisimgħuh, jifhmuh, u jagħmlu xi ħaġa biex jgħinuh – mhux paroli. Jekk dan ma jsirx il-poplu idawwar ħarstu lejn min itih risposti”.

Daniel Attard qalilna li “l-partiti populisti jitilgħu meta l-politika moderata titlef ir-rilevanza tagħha. Dan jiġri l-aktar meta l-politiċi moderati jonqsu milli jindirizzaw b’mod dirett il-problemi veri tan-nies ta’ kuljum.

Minflok l-Ewropa ma tiffoka fuq l-kwistjonijiet kruċjali li jolqtu lin-nies b’mod immedjat — bħal l-immigrazzjoni irregolari, l-għoli tal-ħajja, il-problema dejjem tikber tal-aċċess għall-akkomodazzjoni fost iż-żgħażagħ, u l-ħtieġa li nipproteġu u nsaħħu l-manifattura Ewropea — ħafna mill-enerġija politika Ewropea qed tintilef fuq dibattiti astratti, ideoloġiċi jew oqsma li ma jolqtux direttament lill-poplu. Il-“bubble” ta’ Brussell teżisti tassew. Ħafna drabi, id-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-Unjoni Ewropea jkunu distakkati mill-ħajja reali tan-nies. Dan id-distakk joħloq vojt li jinqabad minn dawk il-politiċi li juzaw lingwaġġ dirett biex jikkonvinċu.

Jekk wieħed iħares lejn politiċi bħal Trump, Salvini, Meloni u Farage, wieħed jinduna li kollha għandhom ħaġa komuni: jitkellmu b’lingwa sempliċi. Jitolbu ritorn għas-“sens komun” fil-politika, u jagħmlu dan b’mod li jqanqal reazzjoni. L-għan tagħhom mhux li tissolva l-problema, imma li jkun hemm reazzjoni emozzjonali li tinbidel f’waħda politika li twassal għal voti.”

Tenna li “l-preżunzjoni tagħhom hi li l-klassi politika moderata tilfet il-kuntatt mal-poplu tant li hemm bżonn li jidħol xi ħadd ieħor biex jgħid “dak li kulħadd qed jaħseb” imma li l-poter u l-midja qed jippruvaw jgħattu.

Is-soluzzjoni hija li ndawru l-attenzjoni fuqna nfusna. Jeħtieġ li l-politiċi moderati jiffukaw l-ħin, l-enerġija u l-fokus tagħhom biex ifittxu soluzzjonijiet konkreti, serji u effettivi għall-problemi reali li qed jaffaċċjaw in-nies illum.
Il-poplu mhux qed ifittex xi ħaġa estremament radikali. Qed ifittex politiċi li jisimgħuh, jifhmuh, u jagħmlu xi ħaġa biex jgħinuh – mhux paroli. Jekk ma jsirx dan, il-poplu jdawwar ħarstu lejn min jagħtih risposti — anke jekk dawk ir-risposti jkunu simplistiċi jew perikolużi.”
Rapport sħiħ paġna 16 u 17

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport