Friday, December 27, 2024

“Il-popolazzjoni kollha kemm hi tista’ tkun aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija”

Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli ttenni l-impenn tal-gvern li jkopri d-domanda tal-elettriku

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fir-rapport preliminari tal-aħħar ċensiment li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) irriżulta li l-popolazzjoni Maltija laħħqet il-519,562 persuna fl-2021. Dan ifisser li meta mqabbla ma’ mitt sena ilu, il-popolazzjoni f’pajjiżna żdiedet b’darbtejn u nofs filwaqt li żdiedet bi kważi 25% fl-aħħar 10 snin. L-Orizzont tkellem mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriżi Miriam Dalli dwar il-ħtieġa li pajjiżna jkollu pjan konkret biex ilaħħaq mad-domanda tal-elettriku.
Staqsejna lill-Ministru dwar il-bżonn ta’ aktar kampanji ta’ edukazzjoni relatati mal-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija. Dalli qalet magħna li temmen li l-popolazzjoni kollha kemm hi jeħtieġ li tkun informata b’metodi kif filwaqt li tibqa’ tgħix fil-kumdità, tnaqqas mill-użu tal-enerġija meqjusa żejda minħabba li fil-verità ma nkunux qegħdin nagħmlu użu tajjeb minnha biex inżidu l-effiċjenza f’pajjiżna.
“Il-fatt li l-AC ma jitħalliex fuq 18-il grad, imma ttellgħu 24 grad se jkun qiegħed iservi għall-istess skop u tkun qiegħed ukoll tnaqqas mill-konsum. Li ma nħallux kmamar mixgħulin jekk ma jkunux qegħdin jintużaw. Li ma nużawx ilma li ma jkollniex bżonn, minħabba li ħafna mill-ilma tagħna huwa ġġenerat mir-Reverse Osmosis li jaħdmu bl-enerġija. Allura għandek din il-katina li jeħtieġ li nifhmu aħjar kif jaħdmu r-riżorsi tal-pajjiż kollu kemm hu”, spjegat il-Ministru.

Investiment ta’ €90 miljun mifrux fuq sitt snin

Rigward id-domanda tal-elettriku li qiegħda dejjem tiżdied, il-Ministru Miriam Dalli qalet li proprju ftit tax-xhur ilu l-gvern ħabbar investiment ta’ €90 miljun mifrux fuq sitt snin. Hija spjegat ukoll li x-xogħol fuq it-tieni interconnector għaddej ġmielu b’mod speċjali minħabba permessi meħtieġa bejn Malta u Sqallija. Dalli qalet li dan se jkun qiegħed iservi biex tissaħħaħ ferm il-provvista tal-elettriku.
Il-Ministru sostniet dwar il-bżonn li pajjiżna jżid l-enerġija li hija waħda rinnovabbli, li hija enerġija nadifa u indiġena.

L-importanza ta’ investiment f’aktar sorsi ta’ enerġija rinovabbli

Hija kompliet biex tgħid li din hija sistema ta’ tħaddim li timxi id f’id u b’hekk biex pajjiżna jinvesti f’aktar enerġija rinnovabbli, jeħtieġ li jkun hawn dan it-tieni interconnector biex is-sistema tkun tista’ taqleb fuq il-provvista ġejja minnu matul il-ħin li ma jkollniex riħ jew xemx fost elementi oħra li minnhom kapaċi nipproduċu din l-enerġija rinnovabbli.
Il-Ministru kellmitna dwar it-temperaturi li qegħdin jogħlew f’diversi pajjiż madwar id-dinja. Dalli fakkret dwar l-effett tat-temperaturi fuq pajjiżi oħra fl-Ewropa, b’pajjiżi li sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà.
Sostniet li għaliha din mhix xi forma ta’ konsulazzjoni u li bħala persuna inkarigata minn dan il-qasam qalet li l-investimenti kontinwi li qiegħed jagħmel pajjiżna juru l-impenn biex jilqa’ għal fatturi differenti bħalma huma t-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-popolazzjoni fost l-oħrajn.

Ekonomija

Sport