Saturday, April 27, 2024

UEFA Conference League: Test diffiċli għal Hamrun Spartans

Aqra wkoll

Fis-Centenary Stadium, illum Hamrun Spartans għandhom test diffiċli kontra Levskim Spartak tal-Bulgarija  fl-ewwel leg tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.

Biex waslu sa dan l-istaġun, l-Ispartans kisbu żewġ kwalifikazzjo­nijiet storiċi u fuq kollox meritati. 

Fl-ewwel round huma elimi­naw lil Alashkert tal-Armenja bl-aggregate ta’ 4-2 (1-0, 4-1). Fit-tieni round huma għelbu lil Velez Mostar ta’ Bosnja Herzegovina bl-aggregate ta’ 2-0 (1-0, 1-0). 

F’dawn l-erba’ logħbiet, it-team immexxi mill-coach Branko Nisevic wera l-intenzjonijiet tiegħu għal dan l-istaġun b’għadd ta’ akkwisti validi fosthom Ryan Camenzuli, Jonny, Roko Prsa u Elvis Maschike, li flimkien ma’ dawk stabbiliti, Henry Bonello, Dodo Soares, Steve Borg u Matthew Guillaumier żgur li se jkunu fost il-protagonisti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat. 

L-avversarji tal-lum huma team li fl-istaġun li għadda spiċċa fir-raba’ post tal-kampjonat domestiku. Huma waslu għal din il-fażi wara li eliminaw lil PAOK tal-Greċja bl-aggregate ta’ 3-1 fir-round preċedenti ta’ din il-kompetizzjoni. 

Dan it-team għandu kurrikulu ferm interessanti hekk kif rebaħ total ta’ 54 trofew li jinkludu 26 kampjonat, 26 tazza domestika u  tliet darbiet is-Super Cup. Barra minn hekk huma kisbu 13-il double u hu l-uniku team fil-Bulgarija li qatt ma ġie relegat. 

Aktar minn hekk, kull staġun huma dejjem iżommu l-appuntament tagħ­hom mal-kompetizzjonijiet Ewropej. Infatt huma l-aktar team li rrappreżenta lil Bulgarija fl-Ewropa. 

Il-partita se tintlagħab fis-7.30 pm.

Sport