Sunday, December 22, 2024

IL-POPOLAZZJONI TAL-ANZJANI DEJJEM TIKBER U R-RATA TAT-TWELID TONQOS

Aqra wkoll

Il-popolazzjoni fil-pajjiżi avvanzati qiegħda dejjem tiżdied b’rata aktar mgħaġġla minn qabel u l-anzjani tagħna mhumiex eċċezzjoni. Dan huwa dovut għall-avvanzi fix-xjenza medika kif ukoll l-anzjani għandhom kwalità ta’ ħajja aħjar u għaldaqstant qed jgħixu aktar.

Naturalment, l-anzjani huma suxxettibbli għal aktar problemi ta’ saħħa u għalhekk jeħtieġu aktar kura medika. Sitwazzjoni bħal din tkun ta’ sfida għall-gvern hekk kif jinħass il-bżonn ta’ aktar spazji għall-kura tas-saħħa.

Infatti proprju ftit ġranet ilu l-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela qasam il-ħsieb li St Luke’s jinbidel għal Health Village biex iservi bħala t-tieni sptar għal pajjiżna. Kif ukoll, il-ħsieb li ssir espansjoni tal-emerġenza u servizzi kliniċi fl-Isptar Mater Dei.

Kwistjoni oħra hija l-pensjoni, hekk kif iż-żieda ta’ pensjonanti tfisser ukoll aktar flus maħruġa f’pensjonijiet u servizzi. Id-dipendenza tal-anzjani fuq min jaħdem f’Malta se tiżdied minn 33% għal 51%. Dan jimplika piż ferm ogħla fuq il-ħaddiema biex isostnu lill-irtirati. Bidla drammatika b’implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali importanti li ma jistgħux jiġu injorati la mill-gvernijiet u lanqas mill-individwi.

Minbarra hekk, filwaqt li qed jiżdied l-ammont ta’ pensjonanti, inqas trabi qed jitwieldu u l-ekonomija tikber, qed iwassal għal aktar postijiet tax-xogħol vakanti. Minn stħarriġ tal-Eurostat li sar f’Marzu tas-sena 2023 Malta għandha l-inqas rata ta’ fertilità fl-Ewropa b’1.13 twelid għal kull mara.

Dan huwa ferm inqas mill-medja tal-UE b’1.53 twelid għal kull mara. L-istħarriġ isegwi t-twelid tat-trabi madwar l-Ewropa sal-2021. Huma l-ħaddiema barranin li qed jikkontribwixxu wkoll għal dawn il-postijiet tax-xogħol u għall-ekonomija tagħna.

Hemm diversi fatturi wara t-tnaqqis fir-rata tat-twelid u hemm bżonn li jittieħdu ċerti miżuri li jħeġġu tkabbir fir-rata tat-twelid u jappoġġjaw it-trobbija tat-tfal.

Il-ħaddiema barrranin jistgħu jkunu parti żgħira mis-soluzzjoni. B’danakollu jibqa’ meħtieġ li jiġu inċentivati aktar twelidijiet. Għalkemm dan diġa’ qed bit-titjib fiċ-children’s allowance, iċ-childcare b’xejn u miżuri oħra li lkoll iħallu impatt pożittiv fuq kemm jitwieldu trabi f’pajjiżna. 

Hawn Malta qegħdin naraw li l-gvern ta importanza lis-sistemi u l-prattiki ekonomiċi u soċjali biex il-ġenituri jsibu mpjieg u jaħdmu filwaqt li jrabbu l-ulied. Minbarra li jippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja permezz ta’ diversi miżuri li l-ħaddiema jistgħu jibbenefikaw minnhom biex jiksbu bilanċ aħjar bejn il-ħtiġijiet tal-post tax-xogħol u dawk personali. 

Ekonomija

Sport