Saturday, December 21, 2024

IL-POTER

Aqra wkoll

Fil-gwerra bierda li kellna qabel din li għaddejjin minnha preżentament, il-ħtija kollha kienet intefgħet fuq il-komuniżmu.  Ir-raġuni kienet li l-għadu tal-pajjiżi tal-Punent kienet l-Unjoni Sovjetika li kienet magħmula prinċipalment mir-Russja.  Dak iż-żmien, ir-Russja kienet tħaddan il-komuniżmu – sintendi l-verżjoni tagħha.  Il-komuniżmu hu l-għadu tal-kapitaliżmu li hu l-bażi tal-pajjiżi tal-Punent.

Din tal-komuniżmu ma kinitx tintuża biss  fil-gwerra bierda.  Dawk li llum xjaħu bħali jiftakru li din it-tema kienet tintuża kontra l-Partit Laburista peress li dan ried li l-poter u l-ġid jinfirex u jmur f’idejn il-poplu. Din kienet theddida kbira għal dawk li kellhom u riedu jżommu l-poter f’idejhom.  Qed nirreferi għall-Knisja u għal grupp żgħir ta’ sinjuri konservattivi li dejjem emmnu li huma ġew maħluqin biex ikollhom il-poter tal-pajjiż f’idejhom.  Kienet alleanza qawwija għaliex filwaqt li l-Knisja kienet tikkontrolla l-eternita’, il-grupp ta’ sinjuri konservattivi kienu jikkontrollaw l-ekonomija.

F’Malta l-komuniżmu kien meqjus bħala l-akbar theddida għar-reliġjon kattolika.  Il-biża’ kienet li jekk ikun hawn il-komuniżmu, il-maġġoranza tabbanduna lill-Knisja.  

Biss vera il-gwerra l-bierda u il-glieda politiko-reliġjuża kienet fuq il-prinċipji, jew il-vera raġuni kienet xi ħaġa oħra?

Illum inbidlu ħafna affarijiet għalkemm hemm ċerti affarijiet għadhom hemm.  Waħda mill-affarijiet li għad hemm hi l-gwerra bierda għalkemm f’Malta ftit huma dawk li jirrealizzaw li qegħdin f’din is-sitwazzjoni.  Fil-fatt il-gwerra bierda tal-lum hi aktar imħawda u aktar intensa.  Fattur importanti li hu komuni hu li l-Pajjiż meqjus għadu għall-pajjiżi tal-Punent għadu r-Russja.  

Hawn tqum mistoqsija importanti.  Illum ir-Russja mhix pajjiż komunista imma kapitalista.  La hu hekk ifisser ħaġa – li l-problema tal-gwerra bierda ta’ qabel din ma kinitx ġejja mill-komuniżmu.  Ir-raġuni hi li l-komuniżmu m’għadux hemm.  Illum ir-Russja tħaddan il-kapitaliżmu.  Biss xorta r-Russja hi meqjusa għadu mill-pajjiżi tal-Punent.  

Bħal ma diġa’ semmejt aktar ‘il fuq, l-għadu tal-Knisja kien meqjus il-komuniżmu.  Illum jekk nieħdu Malta, il-Knisja iddgħajfet sew.  Indikazzjoni ċara kien ir-referendum tad-Divorzju li l-Knisja kienet u għadha kontra tiegħu.  Illum ħadd ma jsemmi l-komunizmu f’Malta għax Malta saret kapitalista bħall-pajjiżi l-oħra tal-Punent.  

Indikazzjoni li l-problema ma kienx il-komuniżmu għax illum qegħdin f’sitwazzjoni simili bħa ma konna qabel minkejja li m’hawnx komuniżmu.

Dan juri ħaġa.  Li l-problema prinċipali hi l-poter.  Min għandu l-poter f’idejh ma jridx li jitilfu u jinqeda b’kollox biex dan jibqa’ jżommu.  

Dan hu rifless fis-sitwazzjoni politika li għandna Malta.  Hemm min jemmen li hu nħoloq biex jikkontrolla l-pajjiż u jkun fil-poter.   Biss is-sitwazzjoni hi li dawn in-nies illum qegħdin fl-Oppożizzjoni.  Din is-sitwazzjoni ġabet gwerra bierda li hi riflessa fil-ħdura li reġgħet dehret fil-politika lokali.  

Ekonomija

Sport