Friday, November 22, 2024

“Il-pożizzjoni li qed nieħdu mnebbħa mir-responsabbiltà mhux mill-popolarità” – Claudio Grech

Aqra wkoll

“L-aktar ħaġa li tolqtok f’din il-liġi, jew fil-proċess li wassal għaliha, hu n-nuqqas totali ta’ evidenza li fuqha qed tinbena din il-leġiżlazzjoni.” Qal dan id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech meta fil-Parlament kompliet id-diskussjoni dwar ir-riforma fil-liġi tal-kannabis.

Huwa qal li l-Oppożizzjoni għandhom pożizzjoni komuni li hija ispirata mhux mill-vendikazzjoni jew mill-preġudizzju, iżda mill-fatt li rridu nżommu quddiem għajnejna l-ottika soċjali tal-leġiżlazzjoni marbuta mad-droga u allura rridu naraw li l-prjorità fil-bilanċ tingħata lill-persuni vulnerabbli. “Il-pożizzjoni li qed nieħdu hija mnebbħa mir-responsabbiltà mhux mill-popolarità,” qal Grech.

Huwa appella wkoll lill-Ministru Owen Bonnici, li ressaq din il-liġi, biex iħares lejn l-interessi tat-tfal, u li jara li qabel ma tiddaħħal din il-leġiżlazzjoni, isir eżerċizzju ta’ riċerka sabiex ikollna l-evidenza. Qal ukoll li l-politika tad-droga għandna nfassluha b’kunsens u ma nistgħux nagħmlu żbalji f’din id-direzzjoni.

“Għalhekk ejja nipprovaw nimxu fid-direzzjoni tal-evidenza. Ejja naraw li nagħmlu l-istudji qabel ikollna leġiżlazzjoni daqshekk mgħaġġla, jekk titħalla kif inhi se tkun qed tagħmel ħsara kbira lis-soċjetà ta’ pajjiżna,” tenna jgħid Grech.

Sport