Saturday, December 21, 2024

Il-prekarjat… Meta se neħilsu minnu?

Aqra wkoll

Mhux darba jew tnejn f’dan is-sit semmejna leħinna dwar il-prekarjat li mhu xejn għajr sfruttament tal-ħaddiema u ċaħda tad-drittijiet tagħhom, illum minħabba l-iżviluppi li qed isiru fid-dinja tax-xogħol jeħtieġ mill-aktar fis li din il-problema tiġi miġġielda mill-għeruq tagħha.

Sa ftit żmien ilu, kien hawn min jgħid u jistaqsi x’inhu l-prekarjat għaliex skont ma kien jingħad il-prekarjat m’għandux definizzjoni. Nemmnu li kull ħaddiem għandu jkollu d-drittijiet tiegħu salvagwardjati u dawn id-drittijiet jinkludu kundizzjoni tax-xogħol tajbin biex dan ikun jista’ jgħix ħajja diċenti.

F’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, rajna jikber il-fenomenu ta’ ‘platform workers’, impjegati li jipprovdu servizz jew xi xogħol speċifiku iżda ma jafux min ikun qabbadhom jagħtu dak is-servizz jew jagħmlu dak ix-xogħol. Fost dawn wieħed jista’ jsemmi dawk li jqassmu l-ikel bil-muturi jew karozzi kif ukoll servizz ta’ trasport privat.

Dawn il-ħaddiema rajna li żdiedu sew anke waqt il-pandemija tal-Covid-19 speċjalment meta kien hemm żmien fejn ir-ristoranti u l-ħwienet tal-ikel kienu magħluqin minħabba r-restrizzjonijiet. Wieħed ma jridx jinsa’ li l-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-ogħla liġi tal-pajjiż, hija bbażata fuq ix-xogħol u mhux fuq il-prekarjat.

Għaldaqstant, kull xogħol hu ta’ liema ġeneru hu għandu jkun tali li jagħti għajxien diċenti lil min jagħmlu. Hawnhekk, jidher validissimu dak li ilha tgħid li l-General Workers’ Union (GWU) li l-ħaddiema kollha għandhom ikunu organizzati fi trejdunjin tal-għażla tagħhom. 

Din il-ħtieġa ntweriet ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja waqt li kien qed jitkellem f’konferenza li kienet qed tittratta l-prekarjat. 

Għalkemm is-soluzzjoni ma tidhirx li hija faċli, però żgur li jekk dawn is-settur meqjusa prekarji jiġu regolarizzati jkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-ħaddiem imma anke għal min iħaddem għaliex ikun qed jopera skont il-liġi. 

Fil-fatt, il-GWU qiegħda taħdem biex dawn ir-regolamentazzjonijiet jiddaħħlu bl-inqas disturb għall-ekonomija ta’ pajjiżna u hija kommessa li tagħti l-kontribut tagħha f’dan ir-rigward. 

Ekonomija

Sport