Friday, November 15, 2024

Il-preparamenti għal-LifeCycle Challenge 2023 f’livell ogħla hekk kif jingħata bidu għat-taħriġ fi grupp

Aqra wkoll

3 ta’ Awwissu 2023 – Iċ-ċiklisti li se jipparteċipaw fil-LifeCycle Challenge tal-2023, vjaġġ bir-rota minn Bangkok fit-Tajlandja għal Kuala Lumpur fil-Malasja aktar tard din is-sena, ħadu sehem fl-ewwel sessjoni ta’ taħriġ tal-grupp nhar il-Ħadd, 30 ta’ Lulju.

Din is-sessjoni tat bidu għall-programm ta’ taħriġ ta’ 17-il ġimgħa li fih, kemm iċ-ċiklisti kif ukoll it-tim ta’ back up, dejjem se jkunu jżidu l-preparamenti tagħhom għall-vjaġġ ta’ 2,000 kilometru fuq medda ta’ 10 ijiem bejn is-26 ta’ Novembru u s-6 ta’ Diċembru. Din kienet l-ewwel darba li l-grupp, magħmul minn ċiklisti ġodda fl-ewwel sfida tagħhom flimkien ma’ dawk b’aktar esperjenza u t-tim ta’ appoġġ, tħarrġu flimkien fit-triq.

Il-LifeCycle Challenge issa wasal fit-23 edizzjoni tiegħu. Din is-sena l-LifeCycle (Malta) Foundation qed timmira li tiġbor ‘il fuq minn Eur100,000, li jiżdiedu mat-Eur3.2 miljun miġbura minn meta twaqqfet il-Fondazzjoni fl-1999, b’risq pazjenti li jbatu minn mard tal-kliewi, biex tappoġġja r-riċerka medika f’dan ir-rigward, u biex titqajjem kuxjenza dwar il-mard u s-saħħa tal-kliewi. Sal-lum, LifeCycle (Malta) Foundation għadha l-unika għaqda f’Malta li tiġbor flus u tqajjem għarfien għal dawn il-pazjenti. Il-ġbir ta’ fondi mill-Fondazzjoni jiffoka fuq il-LifeCycle Challenge, sfida ta’ ċikliżmu u r-reżiljenza, li saret għall-ewwel darba fis-sena 2000. Matul is-snin, iċ-ċiklisti tal-LifeCycle Challenge żaru 53 pajjiż u vjaġġaw bir-rota medda impressjonanti ta’ 40,317 kilometru.

Il-fondi miġbura fil-LifeCycle Challenge ta’ din is-sena se jmorru prinċipalment għall-programm ta’ riċerka li għaddej bħalissa dwar il-Chronic Kidney Disease immexxi mill-RIDT-University of Malta Research Trust; il-finanzjament tat-TRACCIA Software Support System, li huwa s-software użat fir-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei għat-tqabbil tal-pazjenti li qed jistennew trapjant tal-kliewi ma’ donaturi li huma medikament kompatibbli; couches ġodda għall-pazjenti li jkunu qed jagħmlu r-renal dialysis u vjaġġ għal Lourdes għal dawn il-pazjenti.

Diversi sponsors diġà impenjaw ruħhom li jappoġġjaw l-isfida ta’ din is-sena fosthom l-isponsor ewlieni Nescafé, flimkien ma’ Smart Technologies Ltd, Technoline Ltd, Farsons Foundation, Laferla Insurance u JPA.

Filwaqt li mhux kulħadd għandu l-opportunità li jieħu sehem fil-Lifecycle Challenge, wieħed xorta għandu l-abbiltà li jagħti sehemu u jħalli impatt sinifikanti. Permezz ta’ donazzjoni, kulħadd jista’ jsir parti minn dan il-vjaġġ.

Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 9932 9101, permezz ta’ PayPal mil-link: https://buff.ly/35g17CC jew permezz ta’ SMS: 5061 7370 għal €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65; jew telefonata fuq in-numru 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25. 

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ trasferimenti bankarji – Swift code VALLMTMT, IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017, bl-isem tal-Bank ikun Bank of Valletta, u n-numru tal-kont bankarju 14814521017.

Għal iktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur https://lifecyclefoundation.com jew https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge

Ekonomija

Sport