Sunday, November 24, 2024

Il-President b’appell għar-rispett lejn xulxin minkejja d-differenzi

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella ħa l-opportunità ta’ attività li ssir kull sena fin-Naxxar u li tiġbor flimkien lill-organizzazzjonijiet kollha tal-lokal biex għamel appell ieħor imqanqal favur aktar għaqda fil-pajjiż u biex inġibu rispett lejn xulxin minkejja d-differenzi li hemm u li se jibqa’ jkun hemm bejnietna.

Kull sena, il-Ħadd ta’ qabel il-festa ta’ Marija Bambina, il-Vitorja, il-kunsill lokali, is-soċjetajiet u l-għaqdiet Naxxarin kollha jingħaqdu biex jippreżentaw l-għotjiet tagħhom għall-Community Chest Fund lill-President ta’ Malta. L-attività ssir fis-sede ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet, b’rotazzjoni, u din is-sena kien imiss liċ-ċentru lokali tal-Partit Laburista.

“Li tiġi hawn, ġo każin ta’ partit politiku, u tara l-firxa tal-opinjonijiet kolha, anki ta’ min politikament ma jaqbilx ma’ dak il-każin, huwa ta’ sodisfazzjon kbir,” qal il-President. “Dan hu li għandna bżonn f’dan il-pajjiż: ma naqblux, imma nirrispettaw lil xulxin. Intom tan-Naxxar wassaltu dal-messaġġ li, fid-differenza u fl-opinjonijiet differenti, xorta tistgħu tingħaqdu fuq xi ħaġa li hi daqshekk komuni, il-bżonn li ngħinu kawża komuni, f’dan il-każ il-Community Chest Fund.”

Il-President Vella kkritika t-tendenza kurrenti li ngħajru lil xulxin onlajn u li nagħmlu allegazzjonijiet bit-tama li xi ħaġa teħel. “Dik mhux politika. Aħna ċivilizzati biżżejjed, kapaċi biżżejjed, għandna materjal biżżejjed biex naġixxu ta’ nies ċivilizzati. M’għandniex nitilqu mill-mentalità li kulħadd korrott, li m’għandniex min hu kapaċi, li kulħadd mixtri, li kulħadd jiġbdulu l-ispaga. Allura l-integrità spiċċat? Hemm din l-arja li hija ħażina, arja marida, li ma nistgħux nibqgħu naħdmu fiha.” Wissa li din is-sitwazzjoni qed tgħajji lil min qed jipprova jaħdem bl-onestà u bis-sinċerità biex jipprova jġib l-għaqda u biex nimxu ’l quddiem filwaqt li tgerrex liż-żgħażagħ milli jinteressaw ruħhom f’li jkunu attivi fil-politika. “Fiċ-ċokon tagħna, jekk se ninqasmu bejnietna, is-saħħa tagħna tispiċċa. Apparti l-fatt li aktar ma aħna ma nistmawx lilna nfusna, inqas u inqas se jirrispettana min qiegħed hemm barra jħares lejna,” qal il-President.

Filwaqt li iżża ħajr lin-Naxxarin tal-qalb kbira tagħhom lejn il-Community Chest Fund, il-President irrimarka li l-fondazzjoni tgħin lil kull min jiġi bżonnha, jemmen x’jemmen u hu min hu u timpenja ruħha biex tagħmillu ħajtu inqas diffiċli. Huwa qal li din kienet sena oħra diffiċli għall-fondazzjoni, li filwaqt li kompliet tara l-ispejjeż telgħin, reġa’ naqsilha d-dħul kaġun tar-restrizzjonijiet biex tiġi missielta l-Covid-19. Huwa ħeġġeġ biex kunsilli lokali oħrajn jieħdu l-eżempju tal-Kunsill tan-Naxxar, mhux biss biex jinġabru l-flus għal min jeħtieġ l-għajnuna iżda wkoll biex jitwassal il-messaġġ tal-għaqda.

Fin-Naxxar, il-President, li kien akkumpanjat mis-Sinjura Vella u miċ-Chairperson tal-Bord Amministrattiv tal-Community Chest Fund, Marlene Mizzi, intlaqa’ mis-Sindku tan-Naxxar, Anna Marie Muscat Fenech Adami, u mill-President taċ-Ċentru Laburista, Duminku Chircop.

Sport