Sunday, December 22, 2024

Il-President George Vella jżur l-aħħar tħejjijiet għal l-Istrina b’dehra ġdida

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella żaru l-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop fejn it-Tnejn 26 ta’ Diċembru se ssir l-Istrina 2022 b’dehra ġdida u aktar friska bejn nofsinhar u nofsillejl fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali.

Filwaqt li osserva l-aħħar tħejjijiet taż-żoni fejn se jsir id-divertiment, jitwieġbu t-telefonati u jintlaqgħu l-pledges għal The Malta Community Chest Fund, il-President Vella rringrazzja lill-ħaddiema u l-voluntiera kollha li ilhom bosta jiem jippreparaw għax-xandira maratona.

“Impressjonat li hawnhekk kważi kollox lest u issa ħerqanin biex l-għada tal-Milied nibdew nilqgħu n-nies bid-donazzjonijiet waqt li jiena u Miriam inwieġbu t-telefonati. Nittama li minkejja d-diffikultajiet u s-sentejn tal-pandemija, din is-sena jkollna aktar attività u niġbru l-ikbar somma li nistgħu għal The Malta Community Chest Fund,” qal il-President.

Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Amministraturi ta’ The Malta Community Chest Fund, is-Sur John Huber, qal li dan il-Milied m’hemmx rigal isbaħ milli wieħed jagħti donazzjoni biex jgħin lil ħaddieħor li jkun għaddej minn żmien diffiċli.

“M’hemmx rigal isbaħ milli tagħmel differenza għal persuna li tibqa’ tgħix b’dinjità u li inti ma tafx min hi,” qal is-Sur Huber waqt li stqarr li dan hu l-ikbar att ta’ karità li l-bniedem jista’ jagħmel.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi wkoll attività f’Villa Rundle r-Rabat Għawdex fl-istess ħin li se tkun għaddejja l-Istrina f’Ħal Kirkop.

Ekonomija

Sport