Sunday, April 21, 2024

IS-SABIĦ LI TAGĦTI … MHUX F’DAN IŻ-ŻMIEN BISS

Aqra wkoll

Ninsabu fi żmien li għal bosta minnha huwa żmien li jferraħ u żmien li fih nagħtu rigali lill-maħbubin tagħna, lit-tfal tagħna, lill-familjari u anke lill-ħbieb u kollegi ta’ fuq ix-xogħol. Rigal li jkun fih sinifikat sabiħ b’turija t’apprezzament li wieħed ikun jixrqalu, rigal li jingħata mill-qalb biex iferraħ lil dak li jkun qed jirċevih. Dawn il-ġesti huma ferm importanti fil-ħajja tagħna għaliex permezz t’hekk inkunu qegħdin nuru li aħna għandna f’qalbna lil dak li tajnih ir-rigal. Kemm hu ġest sabiħ dan kollu? Iżda jekk nirriflettu ftit u nidħlu fil-profond tas-sitwazzjoni nindunaw kemm ikun isbaħ kieku nagħtu rigal lil xi persuna li nafu li għaddejja minn żmien diffiċli u iebes fil-ħajja tagħha. Hawn persuni li m’għandhom lil ħadd min iferraħhom f’daż-żmien partikolari. Għaldaqstatnt tajjeb naħsbu wkoll illi f’dan iż-żmien ta’ ferħ għal bosta, dan huwa żmien ta’ niket għal oħrajn. 

Katya De Giovanni
Tikteb Katya De Giovanni

Bosta minna jistgħu jħossuhom ixxurtjati għaliex mhumiex klassifikati ma’ din il-faxxa ta’ nies fis-soċjetà. Għaldaqstant il-messaġġ tiegħi illum huwa sabiex dan il-Milied nieħdu ftit inizjattiva sabiex inqajmu għarfien dwar dan. Kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll mal-familjari, nistgħu ngħaddu messaġġ sabiħ illi dan iż-żmien jasal għal kulħadd. Permezz t’hekk jekk jirnexxilna nferrħu mqar persuna waħda nkunu għamilna ġest mill-isbaħ. Opinjoni personali hija li għalkemm huwa sabiħ li taqla rigal, jiena nħossni aktar kuntenta u serena meta nagħti. Wisq aktar meta lil min tajt naf li ħa jagħmel differenza kbira għalih. F’dan kollu jidħol ukoll l-aspett psikoloġiku, meta persuna rċeviet rigal, il-moħħ tagħha jifhem li huwa mhuwiex minsi, li hemm min mqar għal ftit, ħaseb fih. Għalhekk huwa sabiħ li nagħtu, sabiex inkomplu noħolqu komunità sana u b’saħħitha fl-aspetti kollha tagħha. 

Illum il-ġurnata hawn għarfien u kuxjenza qawwija dwar dan kollu, iżda huwa tajjeb li ma niqfux hawn u li ma nserrħux rasna li għax ħaddieħor jagħti jfisser li ma baqax min għad għandu bżonn. Jeżistu entitajiet volontarji li matul is-sena kollha jaħsbu f’min hu batut. Minn hawn nieħu l-okkażjoni sabiex insellmilhom u nirringrazzjahom tal-ġid kbir li qegħdin jagħmlu fil-komunitajiet tagħna. Permezz ta’ dawn l-għaqdiet nistgħu ngħidu li għallinqas persuna sabet platt lest u ma raqditx bil-ġuħ. Min-naħa tagħna bħala Gvern se nkomplu naħdmu biex lil dawn l-entitajiet nagħtuhom is-sapport meħtieġ u wkoll li nkomplu nnaqqsu l-faqar. 

L-appell tiegħi għal dawn il-festi huwa wieħed t’umlità, li magħna naraw li jgawdi min forsi jiflaħ l-inqas. Dan għandu jimlina b’sodisfazzjon u fil-verità jkompli jsaħħaħ l-identità tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi, li aħna magħrufin mad-dinja kollha kemm aħna poplu ġeneruż u ta’ qalb tajba. Għaldaqstant nieħu l-okkażjoni sabiex nawgura lilkom u lill-maħbubin tagħkom il-Milied u sena ġdida mill-isbaħ. Inħarsu ’l quddiem biex ikollna sena aħjar milli għaddiet fejn tidħol is-saħħa u l-armonija fost kulħadd.

Sport