Sunday, November 24, 2024

Il-President il-ġdid tal-KESE jfaħħar id-djalogu soċjali f’pajjiżna

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President il-ġdid tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) Oliver Röpke faħħar it-twaqqif tal-Forum Konsultattiv għaż-Żgħażagħ li se jservi bħala organu tal-Gvern li jikkonsulta b’mod kontinwu maż-żgħażagħ fuq liġijiet, strateġiji u pjanijiet dwar temi ta’ importanza nazzjonali.

F’laqgħa li kellu mas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul fi Brussell proprju ftit minuti wara li ġie elett fil-kariga, il-President Oliver Röpke wera interess u faħħar ukoll il-mod ta’ kif jiffunzjona d-djalogu soċjali f’pajjiżna.

Iż-żewġ naħat tkellmu dwar diversi temi kurrenti fl-Unjoni Ewropea fosthom l-ambjent, ir-riperkussjonijiet tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Huma qablu fuq l-importanza tad-djalogu soċjali bħala għodda ewlenija biex l-isfidi jinbidlu f’opportunitajiet li finalment iwasslu għal tkabbir ekonomiku u soċjetà aktar ġusta.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul tkellem ukoll dwar il-ħdima tal-Gvern f’dan il-qasam, fosthom it-twaqqif tal-kumitat li ser ikun qed jagħti rakkomandazzjonijiet lill-Gvern sabiex ikun hemm reviżjoni tal-paga minima f’pajjiżna. Ellul spjega s-sinifikat tal-ħolqien ta’ din il-kummissjoni mhux biss għaliex huwa pass importanti lejn il-ħolqien ta’ soċjetà aktar ġusta f’pajjiżna imma wkoll pass storiku fl-istorja tad-Djalogu Soċjali. Huwa tkellem ukoll dwar ir-riforma tat-Temping Agencies li bħalissa qiegħda tiġi diskussa flimkien mal-imsieħba soċjali bil-għan li dan is-settur ikun regolat fejn jiġu rrispettati d-drittijiet tal-ħaddiema kollha.

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li bħala Gvern dejjem se jibqa’ kommess li jżomm djalogu kontinwu mas-sħab soċjali u mal-pubbliku inġenerali biex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin.

Min-naħa tiegħu, il-President Oliver Röpke kellu wkoll kummenti ta’ tifħir lejn id-delegazzjoni Maltija fi ħdan il-KESE, iffurmata minn Stefano Mallia, Ben Rizzo, Jason Deguara, Philip von Brockdorff u Dolores Sammut Bonnici.

Il-KESE huwa korp konsultattiv tal-Unjoni Ewropea magħmul minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem u gruppi oħra ta’ interess. Huwa joħroġ opinjonijiet dwar kwistjonijiet tal-UE lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-UE u lill-Parlament Ewropew, u b’hekk jaġixxi bħala pont bejn l-istituzzjonijiet tal-UE li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE.

Sport