Sunday, October 27, 2024

Il-President itenni l-impenn li pajjiżna jkompli jdawwar l-isfidi f’opportunitajiet li jiddistingwuna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt id-diskors tiegħu fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Parlament għal din il-leġislatura, il-President tar-Repubblika George Vella beda biex jgħid li l-bidu dejjem iġib miegħu arja friska, entużjażmu, enerġija ġdida u ħolm għal li ġej. “Dan se jkun l-ispirtu tat-tmexxija ta’ dan il-pajjiż f’din il-leġislatura l-ġdida”, kompla Vella. 

Il-President innota li l-aħħar ħames snin raw lil dan il-pajjiż jikseb aktar suċċessi f’bosta oqsma. Tkellem dwar is-suċċessi ekonomiċi, soċjali u dawk tad-drittijiet ċivili fost oħrajn. Fakkar ukoll dwar il-mumenti ta’ sfida li għaddejna minnhom.

Tkellem dwar il-mod li bih pajjiżna kien kapaċi jdawwar sfida bħalma kienet il-pandemija f’opportunità u li dan huwa l-mod li bih għandna naħdmu għall-quddiem. Dwar il-gwerra fl-Ukrajna, Vella qal li din hija sfida oħra li qed naffaċċjaw hekk kif pajjiżna qabad dieħel lejn il-fażi tan-normalità bit-tneħħija tar-restrizzjonijiet. Sostna li l-parlament irid jibgħat sinjal qawwi li dak li qed isir mhuwiex aċċettabbli, huwa kundanabbli u għandu jitwaqqaf mill-iktar fis għax l-uniku triq aċċettabbli hija dik tad-djalogu. Il-President tkellem dwar il-pressjonijiet lokali li huma primarjament marbuta ma’ effetti ekonomiċi. Fakkar li l-ekonomija tagħna qiegħda tirkupra u li s-sena li għaddiet pajjiżna ħoloq ġid iktar minn kemm konna noħolqu qabel il-pandemija. Dan meta fil-bqija tal-Unjoni Ewropea l-ġid nazzjonali għadu taħt dak li kien fl-2019. Dwar l-isfida fuq il-prezzijiet ta’ affarijiet essenzjali

bħall-enerġija, l-ikel u l-ġarr tal-merkanzija, il-President qal li l-Gvern mhux biss konxju ta’ dawn l-isfidi iżda jinsab għaddej kontinwament b’diskussjonijiet u b’azzjonijiet kontinwi bil-għan li jilqa’ għall-impatt fuq il-poplu Malti u Għawdxi.

Filwaqt li tkellem dwar l-investimenti, Vella spjega li t-tnaqqis tat-taxxa lin-negozju għandu jwassal għal qalba lejn operat aktar sostenibbli, għall-ħolqien ta’ xogħol aktar produttiv u għal investiment akbar fir-riċerka u l-innovazzjoni. Kompla biex jitkellem dwar il-bżonn li niffaċilitaw l-aċċess għal servizzi bankarji kif ukoll għall-finanzjament. Fl-istess ħin qal ukoll li se nibqgħu nsaħħu l-istandards bħala pajjiż biex wara r-rapport pożittiv tal-Moneyval, tkompli l-ħidma biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet maqbula mal-Financial Action Task Force (FATF), li diġà ħadet nota tal-iżvilupp pożittiv li għamel pajjiżna.

Fid-diskors tiegħu huwa tkellem ukoll dwar il-kwalità tal-ħajja u dwar l-importanza li jitħares l-għajxien materjali taċ-ċittadini, speċjalment dawk fil-faxex tad-dħul baxx. 

Huwa kien ċar rigward l-investiment ambjentali ta’ €700 miljun u qal li rridu nneħħu darba għal dejjem l-idea li l-investiment ambjentali m’għandux ritorn ekonomiku għax ir-realtà hija li jekk l-ambjent tagħna mhux se nieħdu ħsiebu, l-ekonomija tagħna ma tistax tkompli trendi. Dwar l-art agrikola l-President sostna li qatt daqs illum ma fhimna l-ħtieġa li mhux biss insalvaw l-art innifisha iżda wkoll ix-xogħol li jsir fuqha minn idejn il-bidwi Malti, li hu sors ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel. “Irridu bħala regola nippromwovu iktar il-konsum tal-prodott lokali filwaqt li nipprovdu l-infrastruttura moderna u l-opportunitajiet lil min jipproduċih. Kemm lill-bidwi, iżda wkoll lis-sajjied hekk kif l-ibħra tagħna huma wkoll sors ta’ ikel”, tenna Vella.

Dwar l-edukazzjoni minn etajiet żgħar huwa qal li din l-amministrazzjoni ġdida għandha miri ambizzjużi għat-tfal b’ħidma li għandha tagħti garanzija li kull tifel u tifla

jkollhom aċċess għall-edukazzjoni kif żviluppat fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum. Fejn it-teknoloġija saret l-għodda prinċipali sabiex uliedna jitgħallmu suġġetti bażiċi bħal-lingwi, il-matematika u x-xjenza. F’dan kollu, il-President tenna dwar l-importanza taż-żewġ ġenituri fil-ħajja tal-ulied.

Dwar il-qasam kulturali huwa nnota li ladarba hemm qbil ġenerali li t-Teatru Rjal għandu jissaqqaf u jkollu funzjoni li taqdi aħjar il-bżonnijiet tal-artisti u l-kreattivi

kontemporanji, se jkun żgurat li jsiru l-preparamenti neċessarji sabiex dan il-post jingħata skop bħala ċentru kulturali prominenti fil-Belt Valletta matul is-sena kollha.

“Pajjiżna u l-poplu tiegħu għandu futur sabiħ jekk nagħrfu naħdmu għalih. Jiddependi minna lkoll flimkien”, temm jgħid il-President.

Sport