Friday, December 13, 2024

Il-President iżur iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira u l-Klinika tal-Komunità ta’ Marsaxlokk

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella żar iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, li reġa’ fetaħ wara li sarulu xogħlijiet ta’ rinovazzjoni.

Matul iż-żjara, ġew spjegati lill-President is-servizzi ġodda li qed jingħataw minn dan iċ-ċentru, fejn jiġu assistiti mat-300 pazjent kuljum. Dawn jinkludu fiżjoterapija, klinika għas-saħħa tat-trabi u l-iżvilupp tat-tfal, u klinika ta’ wara t-twelid. Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira jaqdi l-ħtiġijiet tal-persuni li joqogħdu fiż-żona mill-Imsida sa Baħar iċ-Ċagħaq.

Il-President Vella żar ukoll il-Klinika fil-Komunità ta’ Marsaxlokk.

Fi tmiem iż-żjara, il-President irrimarka li tul is-snin kien hemm titjib u żieda fl-għadd ta’ servizzi fil-qasam tal-kura ta’ saħħa primarja. Huwa ħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu l-aħjar użu minn dawn is-servizzi bl-għan li jkollhom kontroll fuq saħħithom.

“Aħna dejjem konna ngħidu li tinduna b’marda kmieni huwa importanti għax issalva mhux biss l-ispejjeż għada pitgħada għall-pajjiż, imma qed tiġbed l-attenzjoni tal-pazjent biex joqgħod attent li jagħmel dak li jrid jagħmel ħalli jirranġa s-sitwazzjoni u mhux iħalliha tiggrava, imbagħad jinduna meta jkun tard wisq,” qal il-President.

Fil-Klinika tal-Komunità f’Marsaxlokk, il-President kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Ekonomija

Sport