Monday, May 13, 2024

Il-President jappella għal bilanċ bejn is-suċċess ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella appella lill-awtoritajiet, lill-iżviluppaturi, lill-industrija, u lill-akkademiċi sabiex jaħdmu flimkien fl-interess tal-wirt naturali ta’ pajjiżna, filwaqt li ħeġġeġ lill-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (l-ERA) biex tkun aktar viġilanti u tipproteġi aħjar il-wirt ambjentali li fadlilna. Saħaq fuq il-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn is-suċċess ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli, u li nirrealizzaw li l-“progress” fl-ambjent urban m’għandux ikun il-kaġun tat-tħassir ta’ dak naturali. Irrimarka li qegħdin qrib ħafna li dan il-bilanċ nipperikolawh, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu. Il-President kien qed jitkellem fiċ-ċerimonja annwali tal-għoti tal-Premju Buonamico, li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Dan il-premju introduċietu s-sena l-oħra l-ERA biex jingħata rikonoxximent lil individwi li jagħtu kontribut għall-ħarsien tal-wirt naturali tal-gżejjer Maltin.

“Ma ninsewx li dak li jiġri f’pajjiżna ma jaffettwax biss is-saħħa u s-sigurtà tal-poplu tagħna,” qal il-President. “L-aġir tagħna fil-ħajja ta’ kuljum – dak li nieklu, li nixtru, li narmu, u l-mezzi ta’ trasport li nagħżlu, iħallu effett daqs kemm iħallu proġetti industrijali kbar…  Irridu nfakkru li, sabiex tindaf l-arja, jitnaqqas it-tibdil drastiku fil-klima, jiġu protetti l-flora u l-fawna u l-oċeani, aħna, ilkoll kemm aħna, responsabbli… Dan ma jsirx waħdu: ħafna minnu ħassarnih aħna… huwa aħna li rridu nirranġawh. Jeħtieġ, mela, li kollha nsiru konxji ta’ għemilna. Dak li neqirdu llum jispiċċa għal kollox, filwaqt li dak li nindukraw se jibqa’ jagħti l-frott u jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lilna u lil dawk li ġejjin warajna.”

Il-President qal li l-edukazzjoni u l-għarfien huma s-sisien ta’ soċjetà li tkun kapaċi tifforma opinjoni mistħarrġa, li tagħraf it-tajjeb ta’ madwarha, u li ma tibżax tbiddel il-ħażin u tinbidel hi stess għall-aħjar; iċ-ċavetta għall-bilanċ bejn is-suċċess ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli. Saħaq li jekk, sa minn ċkunitu, il-bniedem jitgħallem japprezza l-wirt naturali ta’ madwaru, jifhem li jekk ma jħarsux, minkejja l-progress fit-teknoloġija, ikun qed jhedded l-istess eżistenza tiegħu u dik ta’ ġenerazzjonijiet futuri.

Il-President feraħ liż-żewġ rebbieħa ta’ din is-sena tal-Premju Buonamico – is-Sra Jennifer Fiorentino, studjuża tal-likeni, u s-Sur Alfred Micallef, edukatur – tal-ħidma tagħhom u ta’ dan il-premju mistħoqq. Faħħarhom għal kif, bil-ħidma tagħhom, ressqu lil mijiet ta’ studenti lejn ix-xjenzi naturali u għall-fatt li, forsi bla ma kienu jafu, għenu lil dawk kollha li għaddew minn taħt idejhom biex ikunu iktar sensibbli għall-wirt naturali. Irringrazzja wkoll lill-ERA, mhux biss għax-xogħol siewi li twettaq iżda wkoll talli għarfet il-bżonn li toħloq dan il-premju u tkompli tonora personalitajiet Maltin li ddedikaw ħajjithom għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt naturali ta’ pajjiżna.

Sport