Saturday, December 21, 2024

Il-President jappella għal kunsens Ewropew dwar il-migrazzjoni 

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella faħħar lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (l-EASO), l-unika aġenzija tal-Unjoni Ewropea bbażata f’Malta, u ddeskriviha bħala storja ta’ suċċess sa mit-twaqqif tagħha fl-2011. Huwa ħeġġeġ lill-aġenzija tkompli tagħti riżultati bl-istess livell ta’ impenn u standards għoljin. Fl-istess ħin, esprima d-diżappunt tiegħu dwar in-nuqqas ta’ progress li sar fil-livell intergovernattiv fi ħdan l-Unjoni biex jiġi żblokkat in-nuqqas ta’ kunsens dwar il-migrazzjoni. Wissa wkoll li, jekk jibqgħu jippersistu l-firdiet attwali bejn l-istati membri dwar din il-kwistjoni, għal darb’oħra se jkollna sitwazzjoni fejn il-pajjiżi l-aktar esposti jitħallew ifendu għal rashom.

Meta indirizza konferenza li saret fil-Belt Valletta biex jitfakkar l-10 anniversarju tal-EASO, il-President irrimarka li, minkejja d-diversi tentattivi magħmula u inizjattivi meħuda – inklużi ħafna minn Malta stess matul dawn l-aħħar snin – ir-riżultati għadhom ‘il bogħod milli jkunu jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet fundamentali tal-istati membri tal-UE. “Bdejt nistaqsi bejni u bejn ruħi jekk wasalx iż-żmien li jsir progress minn dawk li tassew iriduh – u li huma lesti li jikkontribwixxu għalih. Hemm għalfejn li r-rieda tal-ħafna li jaġixxu b’mod tanġibbli għal soluzzjoni tiġi mblokkata mill-ftit? Tista’ din tkun każ fejn “koalizzjoni tal-pajjiżi disposti” fost l-istati membri tal-UE tieħu r-riedni f’idejha?

“Huwa importanti ħafna li l-partijiet kollha jżidu l-isforzi kollettivi tagħhom lejn dawk li jeħtieġu l-iktar appoġġ; waqt li jiġu enfasizzati r-ritorn u r-riammissjoni u r-rwol li għandhom il-pajjiżi ta’ oriġini f’dan ir-rigward; u tiġi appoġġjata l-koperazzjoni internazzjonali biex jiġu miġġielda l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin”, qal il-President. “Għadni mħasseb ħafna bil-flussi irregolari kontinwi li qegħdin jaslu fil-fruntieri esterni tal-UE; ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali għad għandha l-ogħla numru ta’ qsim illegali. Il-pressjoni tista’ tiġi aggravata mis-sitwazzjoni fl-Afganistan u tiżviluppa fi kriżi migratorja li m’aħniex preparati għaliha u li l-konsegwenzi tagħha lanqas biss nistgħu nimmaġinawhom. Wasal iż-żmien li l-mexxejja tagħna jevalwaw il-progress, fil-Kunsill Ewropew li jmiss, tal-implimentazzjoni tal-kompiti li jirriżultaw mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju. Sena wara l-preżentazzjoni tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, il-progress fuq mekkaniżmu ta’ solidarjetà effettiv u permanenti għadu limitat. Wieħed saħansitra jista’ jgħid li l-kelma ‘solidarjetà’ – li, ma ninsewx, hija mnaqqxa fit-Trattat – jidher li tilfet il-valur, it-tifsira, u r-responsabbiltà marbuta tagħha. Aħna nafu sewwa li d-diskussjonijiet mhumiex u mhux se jkunu faċli, iżda din mhix skuża biex lil din il-kwistjoni importanti ħafna ma nagħtuhiex l-attenzjoni li jistħoqqilha. Ma nistgħux nibqgħu ngħidu liċ-ċittadini tagħna li, minkejja d-diskorsi dwar is-solidarjetà, għad m’għandniex l-aċċertamenti effettivi meħtieġa.”

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll, fost oħrajn, mill-Assistent Kummissarju Għoli għall-Protezzjoni tal-UNHCR Gillian Triggs; mill-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni Yiva Johansson; mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Margarita Schinas; u mid-Direttur Eżekuttiv tal-EASO Nina Gregori.

Ekonomija

Sport