Saturday, December 14, 2024

Il-President jawgura li l-Arkivji Nazzjonali jkomplu jikbru u jsiru aktar apprezzati mill-pubbliku

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella għamel żjara lill-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat. Huwa ġie mdawwar mal-post mill-Kap Eżekuttiv, l-Arkivist Nazzjonali Dr Charles J. Farrugia, li laqqgħu wkoll mal-istaff u ma’ studenti li bħalissa qed jagħmlu parti mill-istudju tagħhom f’din l-istituzzjoni. Il-President ġie mgħarraf dwar il-proċessi tal-ikkatalogar, tar-restawr, u tat-tindif tad-dokumenti, kif ukoll dwar ir-riċerka u d-diġitalizzazzjoni. Huwa ntwera wkoll diversi dokumenti ta’ rilevanza storika, fosthom Notifika tal-Gvernatur ta’ Malta maħruġa fi żmien il-Pesta tal-1813, li turi kif, anki dak iż-żmien bħalma huwa l-każ illum fil-konfront tal-COVID-19, kien hemm l-obbligu tal-kwarantina u l-pwieni għal min jikser l-ordni li jagħmilha.

“Il-pubbliku għandu jkun jaf aktar dwar dan il-post, għax hawnhekk hawn repożitorju ta’ parti kbira mill-istorja ta’ pajjiżna; storja miktuba permezz ta’ dokumenti, mapep, jew pjanti u kotba li jirriflettu dak li kien għaddej f’pajjiżna minn snin twal ilu”, irrimarka l-President ta’ Malta. “Dan huwa post fejn qed jinġabar dak kollu li l-esperti jiddeċiedu li jinżamm għax għandu rabta mal-istorja ta’ pajjiżna. Huwa interessanti ħafna li hawnhekk tiltaqa’ ma’ studenti u riċerkaturi li qed jużaw il-materjal biex jagħmlu  l-istudji tagħhom u jiżviluppaw it-teżijiet tagħhom. Ħiereġ minn hawnhekk kuntent ħafna li naf li dawn it-teżori kbar li hawn qegħdin jiġu kkurati b’mod professjonali.” Huwa awgura li l-Arkivji Nazzjonali jkomplu jikbru, u rrefera għall-pjan biex jiġu mċaqilqin lejn binja ġdida mgħammra bl-aħħar teknoloġija li se tittella’ f’sit li diġà ġie identifikat f’Ta’ Qali. Fl-istess waqt, esprima x-xewqa tiegħu li l-binja ta’ bħalissa, li fl-antik kienet isservi bħala l-Isptar ta’ Santu Spirtu u li ġiet dokumentata għall-ewwel darba bħala tali fis-seklu 14, tiġi preservata u tinbidel f’mużew.

Fi tmiem iż-żjara, il-President ġie ppreżentat b’għotja miġbura mill-impjegati tal-Arkivji Nazzjonali għall-Community Chest Fund. Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali José Herrera.

Ekonomija

Sport