Saturday, December 21, 2024

Il-President jelenka l-ħidma b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fid-dawl ta’ kummenti li qed jidhru fil-midja, l-Uffiċċju tal-President fakkar il-ħidma li wettaq u qed iwettaq il-President ta’ Malta George Vella b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, kif ukoll fl-ambitu ta’ riformi li kienu diġà nbdew. 

Fi stqarrija uffiċjali ppubblikata b’reazzjoni għar-Rapport tal-Inkjesta Pubblika, l-għada, it-30 ta’ Lulju 2021, il-President ta’ Malta għamilha ċara li jemmen li r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għandhom jiġu rispettati u, kull fejn huwa possibbli, jitwettqu.  Fl-istess stqarrija, il-President Vella ngħaqad mal-Prim Ministru u mal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jesprimi s-sogħba tiegħu għal dak kollu li wassal għall-assassinju tas-Sinjura Caruana Galizia.

Bħala pass importanti ħafna lejn ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali, nhar il-5 ta’ Awwissu 2021, il-President Vella ltaqa’ f’forma privata mal-membri tal-familja tas-Sinjura Caruana Galizia fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Il-President Vella ħa nota wkoll ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet għal tibdil fil-leġiżlazzjoni u t-tnedija ta’ liġijiet ġodda biex jiddaħħlu aktar miżuri ta’ kontroll u l-ħarsien aħjar tal-istat tad-dritt. Huwa fakkar li liġijiet u miżuri ġodda bħal dawn ma joriġinawx mill-Uffiċċju tal-President.

B’referenza speċifika għar-rakkomandazzjoni dwar riformi u tibdiliet fl-oqsma tal-ġurnaliżmu, ix-xandir, u l-libertà tal-espressjoni, il-President Vella qal li diġà kellu laqgħa mal-membri tal-Awtorità tax-Xandir u se jerġa’ jiltaqa’ mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin matul din il-ġimgħa, wara laqgħa li diġà kellu magħhom f’April li għadda. Saru wkoll diskussjonijiet fuq ir-rakkomandazzjoni li jiġi stabbilit kumitat ta’ esperti magħmul minn akkademiċi, esperti f’dan il-qasam, u ġurnalisti.

Il-President ta’ Malta qiegħed imexxi wkoll il-proċess tar-Riforma tal-Kostituzzjoni, li matul ix-xhur fisser kuntatt dirett u skambji frekwenti mal-membri tal-Kummissjoni Venezja u mal-membri tal-Kummissjoni għar-Riforma Kostituzzjonali, li magħhom ġew diskussi u miftiehma riformi kostituzzjonali maħsuba biex ikomplu jsaħħu l-istat tad-dritt u l-governanza tajba f’Malta.

Il-President George Vella tenna l-impenn tiegħu biex, bl-għajnuna ta’ kulħadd, ikompli jaqdi l-obbligi u d-dmirijiet tiegħu skont kif titlob il-kostituzzjoni.

Ekonomija

Sport