Saturday, November 23, 2024

Il-President jiltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet tas-saħħa

Aqra wkoll

Il-President George Vella ltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet tas-saħħa, wara li stedinhom iżuruh fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

L-għan tal-laqgħa kien li l-President Vella juri l-apprezzament għax-xogħol eċċellenti u professjonali li qed jagħmlu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-kapijiet ta’ dipartimenti differenti fis-settur tas-saħħa, li qed imexxu l-professjonisti u l-ħaddiema kollha involuti matul dawn l-aħħar ġimgħat tal-pandemija Covid-19.

Il-President Vella tahom kelma ta’ kuraġġ u wriehom kemm il-poplu japprezza l-impenn li wrew f’dawn l-aħħar xahrejn tal-pandemija. Huwa inkoraġixxa lill-ħaddiema biex ikomplu jwettqu x-xogħol imprezzabbli tagħhom sabiex jieħdu ħsieb saħħet il-Maltin u l-Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Fearne spjega l-istrateġija li ħadu l-awtoritajiet tas-saħħa biex pajjiżna jkun ippreparat kemm mil-lat ta’ protezzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa, kif ukoll biex pajjiżna jkun attrezzat biżżejjed biex joffri l-aqwa kura lill-pazjenti. Dr Fearne fisser kif din l-istrateġija s’issa ħalliet ir-riżultati mixtieqa, u wissa li hemm bżonn li nibqgħu viġilanti sabiex inkomplu ngawdu dan is-suċċess.

Għal-laqgħa mal-President, flimkien mad-Deputat Prim Ministru, attendew Dott. Chris Barbara, Prof. Charmaine Gauci, Sa. Celia Falzon, Dott. Charles Mallia Azzopardi, Sa. Carmen Ciantar u Prof. Michael Borg.

Sport