Sunday, December 22, 2024

Il-President jinawgura l-mafkar lill-Gran Mastru Antoine De Paule u dehra ġdida tad-daħla tal-Palazz ta’ Sant’Anton

Aqra wkoll

Il-President George Vella inawgura d-daħla ġdida tal-Palazz ta’ Sant’Anton li issa tinkludi figura fil-bronż tal-Gran Mastru Antoine De Paule bil-għan li tiċċelebra l-oriġini tal-Palazz u ħidmietu.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-President Vella qal li sa minn meta daħal fir-residenza uffiċjali tal-Presidenza, ħass il-ħtieġa li ġrajjiet dan il-Palazz ikunu ferm aktar magħrufa, studjati u mfakkra.

“Fassalna pjan ta’ ħidma biex fuq medda ta’ sena xprunajna riċerka fil-fond dwar l-oriġini tal-Palazz ta’ Sant’Anton u l-mod kif l-istorja u l-milja taż-żmien bidluh u għaddewh lilna fil-forma u l-istat li ngawduh illum. Bla dubju ta’ xejn, il-Gran Mastru De Paule kien dak li xettel dan il-palazz bl-imsaġar tal-madwar u li għadhom sal-lum iroddu l-larinġ u ċ-ċitru li kienu ta’ spiss rigal mogħti lil dinjitarji u rġejjen,” qal il-President.

Il-President Vella qal li l-palazz ħtieġlu daħla dinjituża li torbot l-istorja mal-preżent u l-funzjoni li l-palazz qed jaqdi llum bħala wieħed minn tliet Palazzi Presidenzjali.

Il-proġett tmexxa minn kumitat konsultattiv li rrakkomanda lill-artist Austin Camilleri biex jaħdem fuq kunċett li b’attenzjoni u sensittività kbira għas-sit u l-kuntest li għalih ġie maħluq, jgħaqqad il-memorja storika tal-Gran Mastru Antoine De Paule ma’ żminijietna. Eżatt quddiem il-Gran Mastru De Paule, inbena ħawt tal-ilma u minquxa fil-ġenb hemm versi mill-pinna tal-Poeta Lawreat Maria Grech Ganado, imnebbħa mid-dokumenti storiċi relatati mal-oriġini tal-Palazz ta’ Sant’Anton. Il-proġett iwassal messaġġ ċar b’mod li jinftiehem ukoll fis-sempliċità tal-preżenza li fih hu msawwar.

Il-President irringrazzja lill-kontributuri kollha fosthom l-artist, il-ħaddiema tal-Palazz tal-President, Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-kumitat konsultattiv li kien magħmul mill-Prof. Richard England, Prof. Conrad Thake, Rev. Marius Zerafa, Dr Sandro Debono u l-Perit David Zahra.

Il-Professur Conrad Thake għamel apprezzament kritiku tal-proġett li fi kliemu jservi ta’ pont li jgħaqqad il-memorja storika maż-żminijiet tal-lum. Prof. Thake qal li l-intervent minimalist jistiednek tinteraġixxi mal-ispazju u mal-elementi arkitettoniċi mingħajr ma jimponi.

Ekonomija

Sport