Saturday, November 2, 2024

Il-President jippreżenta l-Premju Ġwanni XXIII għat-Tjubija lil Kaya Falzon

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta, George Vella, qal li filwaqt li huwa ġest nobbli li persuna tkun ta’ appoġġ għal ħaddieħor, meta dan is-sostenn ikun mifrux fuq numru ta’ xhur jew snin isir impenn b’saħħtu favur inklużjoni sħiħa u li maż-żmien jissarraf f’ġid akbar għas-soċjetà kollha. Meta kien qed jindirizza ċ-ċerimonja annwali tal-għoti tal-Premju Ġwanni XXIII għat-Tjubija, il-President irrimarka li, fid-dinja mgħaġġla tal-lum u bis-sens akbar ta’ individwaliżmu li daħal fit-tessut soċjali tagħna, sar aktar diffiċli li ssib lil min jagħżel li jkun differenti u jħaddem bis-sħiħ il-prinċipji tal-empatija u tal-altruwiżmu.

Il-Premju Ġwanni XXIII għat-Tjubija kull sena jagħti ġieħ lil persuna li, minkejja li tkun għadha ta’ età ċkejkna, ikollha diġà qalb kbira u timxi b’imġiba eżemplari. Ir-rebbieħa ta’ din is-sena hija Kaya Falzon, studenta ta’ 13-il sena li toffri sostenn ma jaqta’ xejn lil Anthea Camilleri, studenta seħbitha tal-istess età fit-tieni sena tas-sekondarja fl-iskola Our Lady Immaculate tal-Ħamrun. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-midalja ġiet organizzata mil-Laboratorju tal-Paċi fil-Palazz ta’ Sant’Anton, taħt l-awspiċi tal-President.

Wara li ppreżentalha l-midalja, il-President feraħ lil Kaya Falzon u qal li permezz ta’ sens kbir ta’ altruwiżmu u umiltà tagħha, qed isservi ta’ pont bejn l-isfidi marbuta max-xogħol tal-iskola u l-kapaċitajiet ta’ Anthea biex anke hi tkun parteċipi bis-sħiħ fil-ħajja tal-iskola u tgawdi l-frott li jġib miegħu t-tagħlim. Huwa qal li, “L-għajnuna li qed toffri Kaya, mhux biss lil Anthea iżda wkoll lil tfal oħra li jsibu diffikultà biex ilaħħqu mal-impenji tal-iskola, hija ġest sempliċi iżda li jitlob dedikazzjoni, paċenzja u mħabba lejn il-proxxmu. Fuq kollox, il-persuna trid tkun lesta tnaqqas mill-ħin liberu tagħha u tiddedikah għall-ġid tal-oħrajn”.

Sellem ukoll lill-fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi, Patri Dijonisju Mintoff, għall-ħidma soċjali u umanitarja ma tieqaf qatt tiegħu u għall-impenn tiegħu biex jippremja lil min, b’xi mod jew ieħor, ikun ta’ spalla għal ħaddieħor. “F’isem il-poplu Malti nixtieq ngħidlek grazzi mill-qalb, Patri Mintoff, mhux biss għal dan imma wkoll għall-mod kif, matul snin twal, ħaddant miegħek u tajt l-għajnuna kollha lill-immigranti irregolari li spiċċaw fostna. L-enerġija u d-dedikazzjoni li biha tkompli taħdem favur iż-żgħir u l-emarġinat hija ispirazzjoni għalina lkoll”, qal il-President.

Sport