X’ħareġ mill-elezzjonijiet Amerikani tat-8 ta’ Novembru 2022?
Irridu nistennew sal-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru biex naraw jekk id-Demokratiċi hux se jirbħu s-Senat 51 – 49 flok 50 – 50 u jkollhom bżonn il-vot tal-Viċi President Kamala Harris li tippresjedi s-Senat.
“Issa għandna stampa ġenerali imma mhix kompluta bil-Partit Demokratiku jżomm il-maġġoranza tas-Senat waqt li għadu kmieni biex jingħad b’ċertezza min se jirbaħ il-maġġoranza fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Il-Partit Repubblikan jinsab fuq quddiem u jekk iżomm il-vantaġġ se jkun rebaħ bi ftit. Saru wkoll l-elezzjonijiet għall-gvernaturi tal-istati li għandhom il-poter japprovaw jew jirrifjutaw ir-riżultati elettorali għall-President. Gvernaturi qrib ta’ Trump lesti ma jagħrfux ir-riżultat elettorali għall-presidenza jekk jirbaħ il-kandidat Demokratiku. Għandhom ukoll il-poter dwar il-liġijiet dwar min għandu dritt iżomm arma u dwar l-edukazzjoni fl-istat.
Id-Demokratiċi żammew il-maġġoranzi li kellhom fl-istati differenti. Dan kien ilu ma jiġri mill-1937.
Il-poter fl-Istati Uniti jinqasam bejn il-President, is-Senat u l-Kamra tar-Rapprezentanti. Id-Demokratiċi kienu qed jibżgħu li se jitilfu l-maġġoranza kemm tas-Senat u kemm tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Kieku ġara hekk il-President Joe Biden kien ikun dgħajjef ħafna fis-sentejn li ġejjin u miegħu kienu jiddgħajfu d-Demokratiċi meta fl-2024 isiru l-elezzjonijiet Presidenzjali.
Maġġoranza Repubblikana fis-Senat u fil-Kamra tar-Rappreżentanti kienet torbot idejn il-President Joe Biden meta jigi biex jaħtar l-imħallfin. Maġġoranza Demokratika fis-Senat tfisser li tista’ tmexxi ‘l quddiem politika Demokratika anki jekk il-Kamra tar-Rappreżentanti jkollha maġġoranza żgħira Repubblikana. Pereżempju issa r-Repubblikani mhux se jkunu jistgħu jwaqqfu d-dritt tal-mara għall-abort fl-Istati Uniti kollha kif setgħu jagħmlu kieku rebħu l-maġġoranza fiż-żewġ fergħat tal-gvern.
X’effett se jħallu dawn ir-riżultati fuq il-Presidenza ta’ Joe Biden?
Il-President Joe Biden ħa spinta qawwija b’dawn ir-riżultati. Sal-elezzjoni, 40% biss tal-Amerikani jgħidu li huma sodisfatti bit-tmexxija tiegħu. Issa naraw dak l-appoġġ jiżdiedx b’dawn ir-riżultati.
Is-soltu l-elezzjonijiet li jsiru f’nofs l-erba snin ta’ Presidenza Amerikana jmorru kontra l-partit tal-president ghax qisha tkun referendum fuqu. Sa ftit jiem qabel l-elezzjoni, Biden kien mistenni li se jitlef bil-kbir. Kien qed jingħad li mewġa kbira ħamra (il-kulur tar-Repubblikani) kienet se tkakxru u tgħarraq lilu u lill-partit tiegħu.
Kien mistenni li l-maġġoranza jivvotaw kontra l-Partit Demokratiku minhabba l-għoli tal-ħajja: tal-ikel, tal-petrol u tal-kera.
Imma jidher li l-pożizzjoni tal-Partit Repubblikan li jneħħi d-dritt tan-nisa għall-abort, il-liberalizzazzjoni tad-drogi u kif ukoll il-kandidati estremisti Repubblikani, qrib Donald Trump, li għadhom sal-lum jgħidu li Biden seraq l-elezzjoni presidenzjali 2020, wasslu lill-ħafna ċittadini Amerikani jivvotaw xorta għall-kandidati tal-Partit Demokratiku.
Kif mar Donald Trump f’dawn l-elezzjonijiet minkejja li sintendi ismu ma’ kien fuq l-ebda polza tal-vot?
Hu jgħid li mar tajjeb u qal li l-kandidati li appoġġja hu, imsejħa l-kandidati MAGA (‘Make America Great Again’ l-għajta tiegħu fil-kampanja presidenzjali) ġabu riżultati tajbin ħafna. Imma l-fatti juru xorta oħra. Ħafna minnhom rebħu fejn hemm maġġoranza ta’ votanti Repubblikani li huma leali lejn Trump.
Kważi kollha tilfu fejn kien hemm kompetizzjoni qawwija fost l-elettorat bejn id-Demokratiċi u r-Repubblikani. Rebaħ bil-kbir Ron de Santis bħala gvernatur tal-Florida u aktarx ikun hu li jkun il-kandidat rival ta’ Trump għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2024.
Biex tirbaħ l-elezzjoni għall-President mhux biżżejjed tirbaħ fl-istati b’maġġoranza tradizzjonali Repubblikana kif għamlu l-kandidati favur Trump.
Fil-Partit Repubblikan hemm min qed iwaħħal fi Trump li f’dan l-elezzjonijiet ir-Repubblikani ma marrux tajjeb kif kien mistenni.
Se jkun interessanti kif fix-xhur li ġejjin il-Partit Repubblikan se jiffaċċja l-qasma fonda li għandu fih bejn dawk li jappoġġjaw lil Trump u dawk li ma jappoġġjawhx għax jarawh estremista u ta’ theddida għad-demokrazija Amerikana għax ma jimpurtahx mil-liġijiet imma jimpurtah biss li jikseb il-poter akkost ta’ kollox.
X’juru dawn ir-rizultati dwar il-politika fis-soċjetà Amerikana?
Minn dak li nafu s’issa jidher li vvutaw biss 47% ta’ dawk li kellhom dritt jivvotaw f’din l-elezzjoni. Demokrazija fejn jivvotaw daqshekk hija demokrazija marida. Fl-aħħar sentejn ir-Repubblikani ħadmu ħafna biex jagħmluha iżjed diffiċli għan-nies li joħorġu jivvotaw. Fl-Istati Uniti l-vot mhux awtomatiku u trid tirreġistra biex tivvota. Ir-Repubblikani huma kontra li tagħmilha iżjed faċli biex in-nies jivvotaw pereżempju jew bil-posta jew qabel il-jum tal-votazzjoni.
Turi l-firda kbira li hemm bejn il-kampanja u l-ibliet. 92% tan-nies tal-kampanja jivvotaw għar-Repubblikani waqt li 92% tan-nies tal-ibliet jivvotaw favur id-Demokratiċi. Din tispjega l-għala ħafna Demokratiċi u Repubblikani jaraw lil xulxin bħala għedewwa u rari jiltaqgħu bejniethom b’rispett lejn xulxin. Il-politika Amerikana saret iżjed tribali għax is-soċjetà Amerikana hija mifruda daqshekk.
Stħarriġ f’Settembru li għadda juri li 72% tar-Repubblikani u 63% tad-Demokratiċi jqisu lil dawk li jżommu mal-partit ta’ kontra tagħhom bħala immorali.
Il-politika Amerikana saret qisha kontinwazzjoni ta’ gwerra ċivili. Il-kompetizzjoni bejn il-partiti hija fl-inħawi sub-urbani, bejn l-ibliet u l-kampanja.
Il-maġġoranza taż-żgħażagħ, tas-Suwed, ta’ dawk li ġejjin mill-Amerika Latina, tan-nisa li huma gradwati vvotaw għad-Demokratiċi.
Dawn l-elezzjonijiet huma storikament l-aktar elezzjonijiet f’nofs il-presidenza li ntefqu flus fil-kampanji elettorali: kważi 17-il biljun ewro. Ħafa minn dawn il-flus intefqu mill-Partit Repubblikan appoġġjat minn biljunarji kbar. Bis-saħħa tal-flus ir-Repubblikani rebħu l-elezzjonijiet għas-Senat f’Wisconsin, Ohio u North Carolina. Id-Demokratiċi nefqu 132 miljun euro biex jirbħu l-elezzjonijiet għas-senatur ta’ Pennsylvania.
Interessanti wkoll li f’dawn l-elezzjonijiet kien hemm ukoll referendi fl-istati differenti fuq kwistjonijiet bħad-dritt ghall-abort, id-drogi, il-logħob bl-imħatri u anki d-dritt għall-vot. Fi stati differenti kien hemm maġġoranzi dwar id-dritt għall-abort, kontra l-logħob bl-imħatri, favur il-liberalizzazzjoni tal-marijuana u ta’ drogi psikedeliċi, favur li jagħmluha iżjed faċli li tivvota waqt li fi stati oħra vvutaw favur li biex tivvota jrid ikollok karta tal-identità bilfors.
Toħroġ stampa ta’ diversità fis-soċjetà Amerikana b’popolazzjoni ta’ iżjed minn 332 miljun ruħ magħmula minn sitt gruppi etniċi, l-ewlenin fosthom: 59.3% Bojod, 18.9% mill-Amerika Latina, 13.6% Suwed jew Afrikani Amerikani u oħrajn ġejjin mill-bqija tad-dinja fosthom, l-aktar l-Asja u l-Paċifiku.
Kif tintlaqat il-bqija tad-dinja minn dawn ir-riżultati tal-elezzjoni fl-Istati Uniti?
Il-politika barranija hija f’idejn il-President Amerikan u spiss hemm qbil bejn id-Demokratiċi u r-Repubblikani fuq ir-relazzjonijiet mal-bqija tad-dinja. Il-kumpless militari industrijali Amerikan, li jesporta l-aktar armi fid-dinja, għandu influwenza kbira fuq il-politika Amerikana u jonfoq miljuni ta’ dollari biex jinfluwenzaha b’modi differenti.
Il-Presidenti Amerikani jiġu u jmorru u l-industrija qawwija tal-armi tibqa’ b’saħħitha, ikun hemm min ikun hemm fil-White House u fil-Kungress Amerikan.
Sadanittant dawn ir-riżultati jinfluwenzaw ħafna lir-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali Amerikani 2024: kif issir il-votazzjoni, kif isir l-għadd tal-voti u kif jiġu ċċertifikati r-riżultati f’kull stat. Donald Trump kien ried lill-gvernaturi Repubblikani tal-Istati u lill-Viċi President Amerikan Mark Pence biex jużaw il-poter tagħhom u jaqilbu r-riżultati presidenzjali 2020 meta rebaħ Joe Biden.
Għadha għaddejja l-inkjesta dwar kemm Trump mexxa l-protesta vjolenti fis-6 ta’ Jannar 2021 biex ma jħallux lil Joe Biden jinħatar president minkejja li kien rebaħ u minkejja li Trump ma kellu ebda prova li l-elezzjoni nsterqet kif qal hu.
Kieku rebħu b’mod qawwi r-Repubblikani fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Novembru 2022. il-President Joe Biden kien isib tfixkil kbir biex imexxi l-politika tieghu favur li jittieħdu passi dwar it-tibdil fil-klima. Ir-Repubblikani ta’ Trump ma jemmnux li d-dinja kollha mhedda bis-serjetà mit-tniġġiż, ħafna minnu mill-pajjiżi avvanzati, l-aktar l-Istati Uniti stess.
Ir-Repubblikani huma wkoll favur li ma jkunx hemm kontroll fuq l-armi fl-idejn u li jwasslu għal tant vjolenza u qtil fl-Istati Uniti. Huma wkoll favur li n-nisa ma jkollhomx dritt jagħmlu abort, kif għandhom id-dritt f’ħafna pajjiżi alleati tal-Istati Uniti. Ir-Repubblikani huma wkoll qrib mexxejja meqjusa lliberali u kontra d-drittijiet ċivili LGBTIQ bħall-Brażiljan Bolsonaro u l-Ungeriż Orban.
L-Unjoni Ewropea u l-alleanza militari tan-NATO jħossuhom imorru aħjar mad-Demokratiċi u l-President Joe Biden milli mar-Repubblikani ta’ Trump.
Wara l-laqgħa ta’ Biden mal-President Ċiniż Ji Xinping, jidher li se jsir sforz biex tonqos it-tensjoni maċ-Ċina. Din aħbar tajba għad-dinja kollha. Fis-snin li ġejjin, l-Istati Uniti se jkollha sfida kbira titgħallem kif se ġġib ruħha f’dinja fejn aktar u aktar pajjiżi jixtiequ d-diversità u d-dritt li jmexxu għall-ġid tal-popli tagħhom minflok jobdu lil xi pajjiż kbir b’saħħtu. Ħafna pajjiżi fid-dinja jridu jkunu ħbieb tal-pajjiżi kollha u mhux bilfors jobdu b’għajnejhom magħluqa dak li trid l-Istati Uniti, dejjem u kullimkien.