Miktub minn BENNY BORG BONELLO
Il-President għandu rwol importanti . Ir-rwol prinċipali tiegħu hu li jħares il-Kostituzzjoni minkejja li din illum hi suġġetta għal-liġijiet tal-EU. Biss din ir-rwol ma tinkludix li jsolvi l-problemi li noħloq jien. Il-problemi tiegħi rrid insolvihom jien l-aktar jekk inkun ħloqthom jien stess. Il-President mhux tapp li jsodd it-toqob li joħloq ħaddieħor.
Imma hawn min jippretendi li l-problemi li joħloq hu jrid isolvihomlu ħaddieħor, inkluż il-President. Dawn huma n-nies li l-ħin kollu jitkellmu fuq is-Saltna tad-Dritt u fl-istess ħin jippretendu li ħaddieħor għandu jgħawweġ il-liġi basta jaqdihom.
Ħa ngħidu li Adrian Delia hu problema għall-PN. Irridu niftakru li Delia daħal u ħa l-poter mingħand ħaddieħor wara elezzjoni u wara li bħala kandidat kien ġie aċċettat minn kumitat tal-PN li nħoloq apposta biex jara li l-kandidati li ser jikkontestaw l-elezzjoni jkunu denja għal dan il-post ta’ Kap.
Il-Kumitat aċċettah, ġie elett mid-delegati tal-PN. Għalhekk jekk Delia hu problema, kien il-PN li ħoloqha u jrid ikun hu li jsolviha. Il-fatt li qed jipretendu li l-President isolvilhom il-problema jfisser li mhux kapaċi jsolvu l-problema.
Fuq kollox jekk iridu li jkollhom ċans għall-elezzjoni li jmiss, iridu jsolvuha għax jekk partit mhux kapaċi jsolvi l-problemi tiegħu kif jippretendi li jieħu l-Gvern biex isolvi l-problemi tal-pajjiż.
Sabu Tapp!
Meta l-grupp li jridu jtajru lil Delia ried jinqeda bil-President, ittenda li jrid jipproponi lil xi ħadd li jgħidu li għandu l-fiduċja tal-maġġoranza tal-MPs fl-Oppożizzjoni.
Anki hawn kien hemm logħba. Jekk xi ħadd iħares sew jara li ħadd mill-akbar opponenti ta’ Delia ma ħareġ għonqu biex jieħu r-responsabbilta’ ta’ Kap, minkejja li kienu qed jaħdmu biex itajru lil Delia. Dawn huma n-nies li jridu li jieħdu post Delia, biss jafu li issa mhux l-aħjar żmien li toħroġ għonqok. Hemm probabbilta’ kbira li min jieħu l-post ta’ Delia issa, jaf li ma tantx għandu żmien twil f’din il-pożizzjoni . F’sitwazzjoni bħal din, is-soluzzjoni hi li ssib tapp biex issodd it-toqba li tkun ħloqt sakemm l-affarijiet jitjiebu u tkun tista’ tidħol int bil-kumdita’ u fi żmien aħjar biex tkun tista’ ttejjeb il-futur politiku tiegħek.
Il-Privileġġ Parlamentari
Il-privileġġ Parlamentari twieled fi żminijiet fejn il-Parlament ma tantx kellu saħħa u dawk il-Membri Parlamentari li jikkritikaw lir-Re jew lir-Reġina kienu jsibu ruħhom fil-frisk.
Imma l-privileġġ parlamentari qatt ma nħoloq biex dawk li jgħaddu l-liġijiet ikunu ‘l fuq mil-liġi.
Hu importanti li MP jkollu l-liberta’ li jikkritika lill-Gvern u jkun protett. Biss jien qatt ma naċċetta li l-MP għandu jkun protett meta jakkuża lil xi ħadd b’xi ħaġa kontra l-liġi. Ir-raġuni hi li l-Parlament mhux il-post fejn wieħed jakkuża lil ħaddieħor b’xi reat. Għal dawn l-affarijiet għandna istituzzjonijiet bħall-pulizija u l-qrati.
Għalija lanqas hu aċċettabli li MP jikkritika lil xi ħadd li mhux membru parlamentari jew li ma jkunx quddiem il-Parlament. Ir-raġuni hi li filwaqt membru parlamentari u persuna quddiem il-Parlament ikunu jistgħu jwieġbu għal kritika dak il-ħin stess, persuna oħra ma jkollhiex din l-opportunita’ u għalhekk trid u ma tridx tibqa’ mċappsa.
Għalhekk nemmen li l-privileġġi parlamentari għandhom jiġu mċekkna għal kritika u xejn iżjed għaliex in-nies u l-istituzzjoni li suppost tirrappreżenta d-demokrazija tkun qed iżżeblaħ id-demokrazija għaliex tkun qed tpoġġi lill-Membri Parlamentari ‘l fuq mil-liġi.
Trasport Pubbliku
Hu tajjeb li ser jkollna madwar 50 karozza tal-linja ġdida. Hu tajjeb li jkollna toroq ġodda biex it-traffiku ma jdumx. Iżda li jkollna dawn l-affarijiet u l-karozza tal-linja ma tasalx, dawn l-affarijiet ma jkunux jilħqu l-għanijiet tagħhom għax il-passiġġieri xorta fejn ikunu jibqgħu u ma jaslux fejn iridu jmorru.
Nhar is-Sibt dħalt il-Belt. Meta nidħol il-Belt ġeneralment immur bil-karozza tal-linja għaliex meta taħdem tajjeb, hi aktar effiċjenti minn karozza privata. Fl-10.20 kont Putirjal nistenna 91 tiġi. Fuq il-Board kien hemm miktub li n-91 li jmiss kellha titlaq fil-10.35. Fl-10.30 waslet korozza fil-post tan-91. Ix-xufier ħalla l-bibien magħluqa u bidilha għal-‘Not in Service’, ħareġ minn postu, kellu spray u naddaf il-perspex tiegħu u anki l-ħandles tal-bieba tal-karozza. Kulħadd baqa’ skantat għax qatt ma rajna xufier daqshekk tajjeb. Kif lesta, ħareġ mill-bieba tal-ġenb u ma deherx aktar.
Tal-10.35 ma waslet qatt minkejja li sew in-93 u anki 94 waslu li jfisser li ma kinitx problema ta’ traffiku li n-91 ma waslitx għax tliet kwarti mir-rotta tan-91 hi l-istess tal-oħrajn. Il-karozza li kien imiss kellha titlaq fil-11.05. Il-ħin wasal u l-karozza baqgħet ma ġietx u l-passiġġieri kellhom jistennew siegħa bl-arloġġ għax il-karozza li kien imiss waslet fil-11.25.
Bħal ma għidt din il-problema mhix kwistjoni ta’ traffiku iżda ta’ management. L-akbar difett li għandha din il-kumpanija hi li l-karozzi jiġu kkontrollati minn xi ċentru u m’għandhiex nies fuq l-istages biex jaraw x’inhu jiġri u jirranġaw is-sitwazzjoni dak il-ħin. Is-sistema l-antika kellha d-difetti tagħha iżda kellha d-dispatchers li kif jaraw li ser tinqala’ problema mal-ewwel jieħdu passi.
Jien semmejt il-management tal-kumpanija, iżda dan hu nuqqas ta’ management ta’ Transport Malta li suppost qed tara kif l-affarijiet qed jimxu. Ma ninsewx li l-kumpanija li tmexxi it-trasport pubbliku qed tieħu sussidju għal kull vjaġġ li tagħmel. Kif inhuma l-affarijiet il-probabbilment hu li l-kumpanija titħallas anki meta ma jsirux il-vjaġġi għax rari, xi darba f’mitt qamar, li tara lil xi ħadd ta’ Transport Malta jispezzjonaw xi ħaġa.
Biss Transport Malta hi wkoll responsabbli mill-management tat-traffiku – xi ħaġa li kull ma qed tkun interpretata hi li nibnu toroq ġodda.
Huma dawn l-affarijiet li jdejqu lin-nies u jinkoraġġuhom li jużaw it-trasport privat għax kif qed jaħdem it-trasport pubbliku ma tistax tiddependi fuqu biex tasal f’xi post f’ħin partikolari.