Fis-sigħat li għaddew, il-Mexxej Russu, Vladimir Putin, beda żjara fl-Iran. Matul din iż-żjara Putin mistenni li jkollu laqgħat mal-Mexxej Suprem Iranjan, Ayatollah Ali Khamenei, kif ukoll mal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan. Uffiċjali tat-Turkija li tkellmu mal-midja internazzjonali qalu li fuq l-aġenda hemm l-esportazzjoni tal-qmuħ, is-sitwazzjoni fis-Sirja u anke dik fl-Ukrajna.
Din hija t-tieni żjara barra l-pajjiż li għamel Putin minn kemm ilha li bdiet il-gwerra fl-Ukrajna. Analisti li tkellmu mal-midja internazzjonali qalu li b’din iż-żjara Putin se jkun ippreżentat b’opportunità li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Iran li huwa wieħed mill-ftit alleati tar-Russja u wkoll fil-mira tas-sanzjonijiet tal-Punent.
Din iż-żjara qiegħda ssir ukoll fi sfond ta’ allegazzjonijiet min-naħa tal-Punent fejn dawn qalu li l-Iran qiegħed jippjana li jissupplixxi ammont kbir ta’ drones lir-Russja ħalli jintużaw fil-kunflitt tal-Ukrajna.