Għat-tieni jum konsekuttiv, il-president ta’ La Liga, Javier Tebas, kompla jattakka liż-żewġ clubs l-aktar sinjuri, Manchester City u Paris St-Germain, minħabba li, skond hu, qed jiksru r-regoli tal-Financial Fair Play bl-infiq esaġerat biex jakkwistaw il-players li jkunu jridu.
Waqt forum bl-isem ta’ Plataforma Consultativa de Clubes, Tebas deher irrabjat u aċċenna kif fis-snin l-imgħoddija ż-żewġ clubs kienu akkużati quddiem il-UEFA b’dan l-aġir iżda ma kienu weħlu xejn.
“Fl-2017 kemm Manchester City kif ukoll Paris St-Germain ġew “maħfura”. Għall-bidu huma kienu ġew sanzjonati mill-UEFA u mill-CAS iżda mbagħad f’żewġ deċiżjonijiet sorprendenti, irrevokaw id-deċiżjonijiet tagħhom.
Tebas kompla jisħaq li La Liga trid “kompetizzjoni nadifa kemm jista’ jkun”, iżda “dawn il-clubs jagħmlu ħafna ħsara lill-kontroll ekonomiku”.
Fir-rigward ta’ Paris SG, Tebas assigura li “huwa impossibbli għalihom li jkollhom €200 miljun aktar fid-dħul kummerċjali”, peress li din “mhix ċifra reali”.
“PSG żiedu l-kont tal-pagi tagħhom fl-era tal-pandemija tal-Covid-19, u f’dan l-istaġun se jispiċċaw b’kont ta’ €600 miljun fir-rigward tas-salarji mingħajr ma jingħadd it-tiġdid ta’ Kylian Mbappé. Huwa ċar li r-regoli tal-FFP mhux qed jiġu mħarsa.”
Tebas qal ukoll li La Liga ressqet l-ilment tagħha lill-UEFA wara li dawn iż-żewġ clubs fis-suq tat-trasferiment jonfqu €100 miljun netti … xi ħaġa ambigwa meta wieħed iqis id-dħul finanzjarju tagħhom mqabbel ma’ dan.
Huwa kompla jgħid li r-regoli tal-Financial Fair Play jistipulaw li club jonfoq skond kemm jiġġenera fondi. Iżda dak li qed jagħmlu dawn iż-żewġ clubs huwa skandlu għall-football modern.