Tuesday, April 30, 2024

M’HEMMX BŻONN TĦALLAS BIEX TKUN TISTA’ TGAWDI BAJJA PUBBLIKA

Aqra wkoll

Is-sħana bdiet tippersisti ġmielha u dan ifisser li n-nies qed jerħulha lejn il-bajjiet sbieħ li għandna mxerrda madwar Malta u Għawdex. Bħalma jiġri kull sajf tinqala’ sitwazzjoni taħraq rigward il-ħakma ta’ partijiet kbar mill-bajjiet, prattikament minn tarf sa tarf, mill-operaturi privati tas-sunbeds u l-umbrelel. 

Min ikun jixtieq imur joqgħod liberament fuq xugaman jew deckchair li jġib miegħu personalment, mingħajr ma jikri sunbed u umbrella, li ma jiswewx ewro jew tnejn, jsib problema fejn se joqgħod.

Wara diversi lmenti min-nies dwar din is-sitwazzjoni mingħajr l-ebda infurzar, proprju l-ġimgħa li għaddiet rajna l-Moviment Graffitti jwettqu azzjoni diretta sabiex skont ma qalu jieħdu lura Blue Lagoon. F’kummenti li ta lill-ġurnalisti li staqsew xi mistoqsijiet lill-Ministru Clayton Bartolo fi triqtu lejn il-Parlament, huwa saħaq li uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienu marru Kemmuna fl-istess jum. Filwaqt li kkonferma li n-numru ta’ sunbeds li se jkunu jistgħu jittpoġġew f’bajjiet pubbliċi se jitnaqqsu u jimxu mal-liġi.

Huwa nsista fuq il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn dawk li jkunu jixtiequ jpoġġu x-xugamani tagħhom stess, u dawk li jitolbu biex jikru s-sunbeds filwaqt li ammetta li l-kwistjoni ewlenija kienet l-infurzar, u stqarr li l-ftehim mal-operaturi tal-bajjiet dejjem kien l-istess. 

L-azzjonijiet tal-attivisti fi Blue Lagoon qajmu rabja u diversi diskussjonijiet jaħarqu fost il-pubbliku kontra l-fatt li l-awtoritajiet ma ħadux azzjoni kontra l-imġieba abbużiva tal-operaturi privati fuq il-bajjiet.

Il-bajjiet li għandna mxerrda madwar Malta u Għawdex huma art pubblika li għandha titgawda mill-poplu kollu u ħadd m’għandu jikkapparrahom minn sbieħ filgħodu iżda l-umbrelel u s-sunbeds jinkrew biss lil nies li jitolbu li jikruhom. 

L-umbrelel u d-deckchairs tal-kumpaniji privati m’għandhom qatt jokkupaw iktar minn perċentwal stipulat sabiex l-aċċess u t-tgawdija tal-bajja ma jixxekklux. Nesiġu l-infurzar meħtieġ mill-awtoritajiet konċernati biex min jikser il-liġi ma jitħalliex ikompli jagħmel dan. Nisperaw li ma l-attivisti ma jkollhomx jerġgħu jidħlu jagħmlu xogħol l-awtoritajiet!

Sport