Il-President tal-Filippini Ferdinand Marcos Jr ġie kkritikat talli uża ħelikopter presidenzjali biex jattendi kunċert tal-Coldplay fil-kapitali Manila, u b’hekk qabeż il-konġestjonijiet tat-traffiku li kien hemm f’din iż-żona.
Fuq il-midja soċjali, ħafna akkużaw lill-President li kien qiegħed jaħli l-flus li ġejjin mit-taxxi tal-poplu u rrimarkaw li min-naħa l-oħra l-pubbliku jkollu jqatta’ ħin twil imwaħħal fit-traffiku.
Il-Grupp tas-Sigurtà Presidenzjali qal li l-Arena tal-Filippini fejn sar il-kunċert esperjenzat influss bla preċedent ta’ 40,000 spettatur, li rriżulta f’kumplikazzjonijiet mhux previsti ta’ traffiku tul ir-rotta. Intqal ukoll li s-sitwazzjoni tat-traffiku ħolqot “theddida potenzjali għas-sigurtà tal-president tagħna.”
Madankollu, l-attivist Renato Reyes iddeskriva din id-deċiżjoni bħala “insult gravi għal miljuni ta’ vjaġġaturi Filippini.” Huwa żied jgħid il-Metro f’Manila ġiet ikklassifikata li għandha “l-agħar traffiku” fi stħarriġ internazzjonali riċenti.
“Qed inħabbtu wiċċna ma’ kriżi fit-trasport tal-massa u traffiku terribbli għaċ-ċittadini,” qal Reyes.
Waqt l-ispettaklu ta’ Coldplay, il-kantant Chris Martin ċċajta dwar it-traffiku f’Manila u rringrazzja lill-udjenza għall-perseveranza tagħhom biex jattendu għall-kunċert.“Huwa minnu li rajna xi traffiku. Iżda naħseb li għandkom in-numru wieħed (it-traffiku) tad-dinja. Grazzi talli għamiltu l-isforz kollu biex tgħaddu minn dak kollu s’hawn.”