Saturday, November 23, 2024

Il-President tal-MUT jgħid li l-għalliema mhux fuq btala

Aqra wkoll

L-MUT ikkundannat il-kummenti dispreġġjattivi fil-konfront tal-għalliema li dehru fuq il-media soċjali bil-President tagħha Marco Bonnici jgħid li m’humiex għaddejjin b’xi btala.

Fost kummenti li bdew jiċċirkolaw fuq Facebook kien hemm dawk li esprimew dubju kemm l-għalliema qegħdin jagħmlu xogħlhom mid-dar u li jridu jieħdu l-paga bla ma jagħmlu xejn.

Bosta kienu l-għalliema li fuq l-istess mezz soċjali esprimew id-dispjaċir tagħhom għal dawn ir-rimarki.

Dan il-ġurnal ħa r-reazjoni tal-MUT, l-unjin ewlenija tal-għalliema, bil-President tagħha Marco Bonnici jgħid li huma jirrikonoxxu s-sitwazzjoni diffiċli li kulħadd għaddej minnha bħalissa u appella lill-pubbliku biex ma jaqax f’tgħajjir u kummenti bla bażi li jweġġgħu lill-edukaturi. 

“Fuq il-midja soċjali ħafna jiktbu bl-addoċċ imma l-verità hi li l-edukaturi kollha qegħdin jagħmlu xogħol kbir sabiex ikomplu bis-sena skolastika f’ċirkostanzi li żgur ħadd ma ħolom li ser jgħaddi minnhom”.

Bonnici għamilha ċara li ħadd ma jista’ jgħid jew jimplika li l-għalliema qegħdin fuq xi btala jew qed jieħdu l-paga għalxejn. 

Waqt li qal li jifhem li hemm min għaddej minn sitwazzjoni diffiċli personali u jara ma’ xhiex ser jaqbad u f’min ser iwaħħal, Bonnici appellalhom biex jitolbu l-għajnuna skont il-bżonn mid-diversi servizzi u entitajiet li joffru dan.

Sport