Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela u l-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Iratxe García Pérez, ġew innutati diversi kisbiet li pajjiżna għamel f’dawn l-aħħar xhur fosthom ġie nnutat kif pajjiżna mexa waqt il-pandemija.
Waqt l-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Abela qal li huwa tassew privileġġ li qed jilqa’ lill-grupp tal-S&D ġewwa Malta u qal li dan ifisser sinjal ta’ fiduċja minn dan il-grupp fil-gvern.
Aċċenna għall-fatt li l-istess fiduċja ntweriet riċentement mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von Der Leyen meta tkellmet dwar Malta u x-xogħol li pajjiżna wettaq biex sar iservi bħala eżempju għal stati membri oħar.
Abela qal li minkejja forsi ma jaqblux dwar il-kwistjonijiet kollha, jinsabu tassew kburin li jifformaw parti mill-grupp tal-S&D u li qed jikkontribwixxu għax-xogħol tajjeb li qed isir fil-Parlament Ewropew u lil hinn minnu.
Il-Prim Ministru qal li minkejja li Malta hija żgħira fid-daqs, ir-rieda politika u d-determinazzjoni tagħhom li jimxu ‘l quddiem, u jikkontribwixxu għall-futur tal-Ewropa, huma b’saħħithom u sinifikanti.
Aċċenna għall-fatt li dawn l-aħħar xhur kienu żmien ta’ tiġdid għall-gvern Malti kif jidher minn numru ta’ riformi sinifikanti li l-gvern wettaq biex fost l-oħrajn tissaħħaħ id-demokrazija, is-saltna tad-dritt u l-istituzzjonijiet li jipproteġuuha. Abela semma wkoll l-emendi kostituzzjonali li saru u assigura li l-protezzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta tibqa’ prijorità għal din l-amministrazzjoni. Fakkar kif dawn ir-riformi kollha seħħew fi żmien bla preċedent hekk kif pajjiżna, bħall-bqija tad-dinja, kien qed jaffaċċja l-pandemija marbuta mal-Covid-19.
Matul l-istess perjodu, Abela qal li bħala gvern iffukaw fuq il-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini u fl-istess waqt assiguraw li l-ekonomija Maltija tibqa’ b’saħħitha. Dan sar permezz ta’ appoġġ lill-familji, l-impjegati u lin-negozji.
Il-Prim Ministru qal li bħala gvern soċjalista, iċ-ċittadini baqgħu l-ogħla prijorità tagħhom matul dawn l-aħħar xhur u hekk se jibqgħu. Żied jgħid li Malta tħares ‘il quddiem, fost l-oħrajn, bl-inqas rata ta’ qgħad u l-ogħla rata ta’ impjieg fl-istorja tagħna.
Temm jgħid li l-impenn tal-gvern se jibqa’ wieħed b’saħħtu u aċċenna għall-impenn tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ aktar rifomi inklużi dawk relatati mad-dekarbonizzazzjoni, l-immaniġġjar tal-iskart, it-trasport, l-edukazzjoni, is-saħħa u t-trasformazzjoni diġitali u innovattiva.
Min-naħa tagħha, il-Presiden tal-S&D Iratxe Garcia Perez, kellha kliem ta’ tifħir għal pajjiżna fost l-oħrajn innotat lii 91% tal-popolazzjoni f’Malta hija mlaqqma kontra l-Covid-19, li fi kliemha din hija kisba eċċellenti. Hija nnutat ukoll id-diversi miżuri meħuda minn dan il-gvern bħala appoġġ lejn l-impjiegi u lejn in-nisa.
Fid-diskors tagħha hija qalet li taħseb li pajjiżna huwa eżempju li din it-tip ta’ kooperazzjoni tista’ tassew tipprovdi riżultati tajbin. Qalet li dan kollu juri li meta jaġixxu flimkien, isiru aktar b’saħħithom speċjalment f’sitwazzjonijiet bħalma għaddejna fl-aħħar xhur.
Hija qalet li riedu li jiġu hawn Malta biex juru l-appoġġ tagħhom lejn il-gvern ta’ Robert Abela u l-pjan ta’ rkupru li fi kliemha jinkorpora perfettament mal-viżjoni tas-Soċjo-Demokratiċi. Temmet bi kliem ta’ tifħir lejn il-pjan ta’ rkupru fejn qalet li dan huwa wieħed ambizzjuż.