Il-President ta’ Sri Lanka Gotabaya Rajapaksa ħabbar li se jirriżeja mill-kariga wara li dimostranti daħlu fir-residenza uffiċjali tiegħu u taw in-nar lid-dar tal-Prim Ministru. Ġie rrappurtat li fil-ħin tal-inċident, la l-Prim Ministru u lanqas il-President ma kienu preżenti f’dawn il-binjiet.
Mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini niżlu fit-toroq tal-kapitali Colombo, isejħu għar-riżenja ta’ Rajapaksa wara xhur ta’ protesti dwar ġestjoni ekonomika ħażina. Rajapaksa se jirriżenja mill-kariga nhar it-13 ta’ Lulju li ġej, filwaqt li l-Prim Ministru Wickremesinghe mistenni wkoll li jirriżenja.
L-Ispeaker tal-Parlament qal li l-President iddeċieda li jwarrab “biex jiżgura trasferiment paċifiku tal-poter” u sejjaħ lill-pubbliku biex “jirrispetta l-liġi.” It-tħabbira tar-riżenja tal-President ta’ Sir Lanka wasslet ukoll għal ċelebrazzjonijiet kbar madwar il-belt.
Waħda mid-dimostranti, Fiona Sirmana, qalet mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li kien wasal iż-żmien li “neħilsu mill-President u l-Prim Ministru u jkollna era ġdida fi Sri Lanka. Jiddispjaċini li ma telqux qabel għax kieku ma kienx jiġri dak li ġara.”
Fil-protesti tas-Sibt li għadda, diversi persuni ndarbu u kelliem għall-isptar ta’ Colombo qal li tliet persuni kienu qed jingħataw kura għall-ġrieħi li sofrew minħabba tiri ta’ arma tan-nar.
Sri Lanka bħalissa qed tbati minn inflazzjoni kbira u qed tissielet biex timporta ikel, fjuwil u mediċina fost l-agħar kriżi ekonomika tal-pajjiż fl-aħħar 70 sena.