Wednesday, April 24, 2024

Il-President u s-Sinjura Vella jżuru lill-pazjenti Maltin għall-kura f’Londra

Aqra wkoll

Il-President u s-Sinjura Vella żaru lill-pazjenti Maltin fl-appartamenti tal-Fondazzjoni Puttinu Cares f’Sutton u fir-residenza tas-Sorijiet Franġiskani.

F’kummenti fi tmiem iż-żjara, il-President spjega li l-għan taż-żjara kien li jagħmel kuraġġ lill-pazjenti Maltin li fil-preżent qed jingħataw il-kura fl-isptarijiet ta’ Londra u l-madwar. “Kull wieħed għandu l-istorja tiegħu, uħud minnhom ilhom hawn mhux ħażin, oħrajn għadhom telgħin, però fl-istess ħin hemm il-konsolazzjoni li fil-problemi li għandhom qed isibu l-appoġġ ta’ sħabhom u Maltin bħalhom,” stqarr il-President.

Bħalissa f’Londra u l-madwar hemm 37 pazjent Malti għall-kura. Ħafna minnhom u l-qraba tagħhom li qed jakkumpanjawhom qed jgħixu fl-appartamenti tal-Fondazzjoni Puttinu Cares, kif ukoll fir-residenzi tas-Sorijiet Franġiskani u tas-Sorijiet Agostinjani.

Min-naħa tagħhom, il-pazjenti esprimew apprezzament għaż-żjara tal-President u s-Sinjura Vella, kif ukoll għas-sostenn li jingħataw minn The Malta Community Chest Fund fl-ispejjeż tal-passaġġ tal-ajru, tal-akkomodazzjoni, tal-ikel u l-bżonnijiet bażiċi ta’ qarib li qed jakkumpanjahom.

Fost l-impenji tagħhom fir-Renju Unit, il-President u s-Sinjura Vella żaru wkoll l-isptar Nuffield Orthopaedic Centre f’Oxford fejn tingħata kura lil pazjenti Maltin li jkollhom bżonn kura speċjalizzata fl-ortopedija. Il-President Vella rringrazzja lit-tobba, tnejn minnhom Maltin, u lill-amministrazzjoni għal dak kollu li jagħmlu mal-pazjenti Maltin, u awgura wkoll li r-rabtiet bejn Malta u dan l-isptar, li jmorru lura għall-1947, jibqgħu b’saħħithom fis-snin li ġejjin.

Il-President u s-Sinjura Vella żaru wkoll The Botnar Institute for Musculoskeletal Sciences fejn issir riċerka dwar x’jikkawża kundizzjonijiet li jaffettwaw il-ġogi, l-għadam u l-muskoli, u trattamenti ġodda għalihom. “Tkellmu magħna b’mod tekniku dwar l-iżviluppi li għaddejjin u l-possibbiltajiet ta’ titjib fis-servizz tas-saħħa,” spjega l-President.

F’Londra, il-President iltaqa’ wkoll ma’ diversi konsulenti Maltin li jaħdmu fi sptarijiet fejn jitilgħu għall-kura għadd ta’ pazjenti Maltin.

Sport