Wednesday, April 24, 2024

“Xogħolna huwa ġlieda kontra l-ħin u l-prijorità hija l-persuna”

L-istazzjon ta’ Kordin fl-2021 b’medja ta’ kważi ħames interventi kuljum.

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bil-kelb adottat Buċċ idur ma’ saqajha, Leanne Newell tirrakkonta lil Talk.mt kif hija kienet fl-ewwel grupp ta’ rekluti li fih daħlu għall-ewwel darba nisa. Minn dakinhar, fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għadhom ma daħlux rekluti ġodda però fl-aħħar sejħa li saret, hemm numru sabiħ ta’ nisa li applikaw biex jagħmlu dan ix-xogħol. Dan jikkonferma kemm illum il-ġurnata l-mara qiegħda dejjem aktar tidħol f’karrieri li tradizzjonalment kienu miftuħa biss għall-irġiel. 

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu total ta’ disa’ stazzjonijiet. Tlieta  minnhom fihom uffiċjali nisa – dik ta’ Kordin li taħdem fiha Leanne u t-tnejn l-oħra huma f’Pembroke u f’Ħal Far. L-istazzjonijiet l-oħra huma fi Floriana, fix-Xemxija, is-sezzjoni tal-klieb f’Ta’ Kandja, f’Raħal Ġdid u tnejn f’Għawdex wieħed il-ħeliport u l-ieħor fir-Rabat. 

Fl-istazzjon ta’ Kordin waħdu, is-sena l-oħra daħlu total ta’ 1,750 sejħa għall-għajnuna, medja ta’ kważi ħames interventi kuljum (4.7). L-aktar xhur impenjattivi, kif fil-fatt qaltilna Leanne, huma dawk sajfin. Is-sena l-oħra f’Mejju kien hemm 173 interventi, f’Ġunju 193, f’Lulju 238 (l-akbar ammont), mentri f’Awwissu daħlu 189 talb għall-għajnuna.

Kif tħossok bħala mara f’dan it-tip ta’ xogħol u x’inhija l-perċezzjoni hemm barra, inkluża dik tal-qraba?

Mhux se ngħidlek li huwa faċli imma jekk tkun determinata biżżejjed, tasal. Ovvjament tħossok li qisek trid tistinka iktar għax raġel għandu dik is-saħħa naturali u mara trid taħdem aktar minnhom biex forsi tilħaq xi ftit jew wisq il-livell tagħhom. 

Naħseb li l-perċezzjoni hemm barra nbidlet ftit għax f’dawn l-aħħar tliet snin in-nies qegħdin jarawna fuq il-lant tax-xogħol u anke qegħdin inħajru tfajliet oħra li forsi eventwalment ukoll jagħżlu li jingħaqdu mad-Dipartiment. Il-qraba qatt ma pprovaw iħassruli milli nagħmel dan ix-xogħol inkluż r-raġel. Billi huwa suldat u mal-armata hemm nisa wkoll, jaf u jifhem dan it-tip ta’ ambjent. Qatt ma qalli biex nirrikonsidra. Anzi, dejjem kien ta’ sostenn u jipprova jgħinni biex nirnexxi. Forsi n-nanna dejjem kienet tinkwieta li se nweġġa’ għax din kienet nanna tipika. Mhux għax ma riditnix nagħmel dan ix-xogħol imma għax kienet tibża’ minħabba li fih il-perikli tiegħu.

X’inbidel f’dawn it-tliet snin li ilek mad-Dipartiment?

In-nirien żdiedu u fi żmien il-Covid-19 kellna ħidma ta’ diżinfettazzjoni ta’ diversi postijiet. Barra minnhekk, f’dawn l-aħħar snin inġieb tagħmir ġdid fid-Dipartiment fosthom vetturi aktar sofistikati u moderni kkontrollati elettronikament. Dawn trid aktar żmien biex tidrahom għax hemm qabża kbira bejn l-antiki u l-ġodda. 

Liema huwa l-aktar perjodu bieżel u għala?

Ix-xogħol tagħna qisu dħalt ġo kaxxa magħluqa. Tiġi għax-xogħol f’kaxxa magħluqa imbagħad tara mal-ġurnata x’jinqala’. Fl-istazzjon tiegħi, li bħala staff qegħdin 29 persuna, ikun hemm ġranet li nirċievu bejn 10 u 14-il telefonata kuljum mentri jkun hemm oħrajn li jkollna forsi erbgħa. L-aktar li jkollna sejħiet huwa fis-sajf, bejn Ġunju sa Settembru, minħabba nirien ikkawżati minn grass fires. Minn dawn ikollna ħafna u l-kawżi huma varji fosthom sħana kbira, ħġieġ li jirrifletti u jaqbad, ħaxix ħażin, riħ u sigaretti. 

Fix-xitwa l-aktar każijiet komuni huma n-nirien fid-djar ikkawżati mill-apparat domestiku b’mod speċjali l-electric blankets u l-heaters. Dawn fortuntament naqsu għax naħseb li n-nies tgħallmu wara li ilna ntanbrulhom ġo rashom il-perikli relatati. Nemmen li n-nies tista’ tgħallimhom li hemm ċerti elementi li għalihom iridu jieħdu l-prekawzjonijiet. 

Imbagħad fi żmien tal-festi tal-Milied ikollna aktar każijiet ta’ inċidenti tat-traffiku. Trid tmur fuq il-post u tara s-sitwazzjoni. Ħafna drabi nissejħu għax is-sewwieq ikun maqbud jew b’xi mod jew ieħor ma jkunux jistgħu joħorġuh mill-vettura.

Liema huma l-aktar esperjenzi li bqajt tiftakar? 

L-aktar tnejn li baqgħuli f’moħħi huma l-każ ta’ Miriam ta’ Santa Venera li kienet waqgħet id-dar u l-każ ta’ anzjana li tilfet ħajjitha kawża ta’ nirien fir-residenza. Ta’ Miriam kien l-ewwel każ tiegħi bħala kollass ta’ bini. Mhiex xi ħaġa sabiħa li bniedem ikun id-dar għall-affari tiegħu u mbagħad imut b’dan il-mod. Dan il-każ baqa’ fuq moħħ kulħadd. Anke ta’ dawk li ma kienux hemm. 

Niftakar li meta wasalna kien hemm ħafna ġenn u kommozzjoni. Rajt lill-qraba mifxula qishom ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu. Il-familja ta’ Miriam kienet emozzjonata ħafna huma u jistennew. Jien dħalt mat-tieni grupp. Qabilna kien hemm team ieħor li kien ilu hemm ifittex minn filgħodu. 

Kienu bejn is-6.00 u s-7.00 ta’ filgħaxija u litteralment qisek dħalt f’war zone (żona milquta minn gwerra). Kien hemm ħafna tifkrik. Tibda tfittex għax ikollok dik it-tama li tneħħi l-ġebel u ssib lil xi ħadd ħaj taħtu imma konna nafu li għadda ċertu ħin. Kont hemmhekk meta nkixfet u dik ħassejtha avolja meta tidħol għal dan ix-xogħol tkun ippreparata għal dawn l-affarijiet. Tkun taf li meta tidħol ix-xogħol mhux dejjem se jmorru l-affarijiet kif tixtieq inti u li se jkun hemm każijiet mhux pożittivi. 

Dakinhar konna dħalna ftit qabel ma nstabet. Bdejna nneħħu l-ġebel bil-mod il-mod. Kien għadda ċertu ħin imma jien bqajt nittama li kienet f’xi roqgħa sigura taħt it-tifrik. Wara li nstabet u nħarġet it-tabib kien iċċertifikaha mejta. Niftakar li konna tim kollha ħdejn xulxin u għaddejniha fuq stretcher minn fuq idejna. Din hija xi ħaġa li tibqa’ f’moħħok għax l-ewwel għaddejna ġebla ġebla imbagħad għaddejna lill-vittma. Il-qraba ma rajthomx minħabba li jżommuhom ‘il bogħod imma bdejt nimmaġina li dik il-familja tilfet omm u r-raġel tilef lill-mara. It-traġedja hija li m’hemmx mod kif iġġibhom lura. 

Il-każ tal-anzjana seħħ madwar sena ilu f’Ħal Tarxien u l-vittma kellha madwar 80 sena. It-telefonata daħlet fis-6.30 ta’ filgħodu u konna se nibdlu x-shift meta waslitilna telefonata li ħiereġ duħħan minn ġo dar u li wisq probabbli kienet qiegħda taqbad. Fi ftit minuti ħriġna. F’każijiet urġenti, mill-ħin li nieħdu t-telefonata sakemm nitilqu bil-vann, jgħaddu biss żewġ minuti. 

Meta wasalna rajna d-duħħan ħiereġ mill-proprjetà, inżilna u l-uffiċjal inkarigat qassamna f’żewġ gruppi ta’ tnejn kull wieħed fejn wieħed ġie assenjat li jikkontrolla n-nirien u l-ieħor li jfittex jekk kienx hemm xi persuni ġewwa. Jiena u kollega tiegħi morna għat-tfittxija fis-sular ta’ fuq. Bdejna l-proċess li nfittxu fil-kmamar u ngħajtu forsi xi ħadd ikun hemm imma ħadd ma rrisponda. Dan sakemm eventwalment dħalna ġo kamra u sibna l-anzjana minduda fuq is-sodda. 

Dak il-ħin ma konniex nafu l-istat tagħha. Fil-fatt ħsibna li kienet rieqda. F’dawk il-mumenti moħħok ikun qiegħed jgħaġġel ħafna  għax tara ħafna affarijiet u trid tieħu azzjonijiet u deċiżjonijiet importanti u malajr. Tajniha s-CPR u bdejna nċaqilquha biex naraw forsi tirrispondix imma xejn. Rajt li kellha xi ħruq imma dak il-ħin ma tarax sew. Kien meta morna għad-dawl li rajt sew kemm kien hemm sinjali ta’ ħruq fuq il-vittma. Il-każ ta’ din l-anzjana baqa’ f’moħħi għax kien l-ewwel wieħed li morna f’dar maħkuma bin-nirien, fejn kellna nfittxu persuna u r-riżultat ma kienx dak li xtaqna aħna. 

“Rajt li kellha l-ħruq … ċaqlaqnieha imma ma rrispondietx” 

Wara l-ħidma fuq il-post ma ningħatawx aktar aħbar dwar il-persuni li nassistu fosthom dawk involuti fl-inċidenti tat-traffiku. Ħafna drabi nsiru naf ċerti affarijiet mill-gazzetti. Xogħolna huwa sakemm tiġi salvata jew tinħareġ il-persuna mbagħad ninqatgħu. Dan isir biex ma tiġix involuta ħafna mal-persuna. 

X’tgħidilna dwar esperjenzi pożittivi?

Tħossok tajba meta ssalva lil xi ħadd, ikun xi jkun. Kemm jekk bniedem, kif ukoll xi annimal. Dejjem se tħossok li għamilt xogħlok u tħossok aħjar. Meta tmur għall-pożittiv… salvajt salvajt u dan jgħodd kemm jekk huwa qattus, għasfur jew bniedem. Imma, sfortunatament qisu iktar jibqa’ miegħek in-negattiv milli l-pożittiv u ma niftakarx każijiet partikolari. 

F’sitwazzjonijiet ta’ suċċess tħossok ferħana għax kollox mar tajjeb u li ma ġara xejn lil ħadd. Il-moral jogħla u tieqaf hemm.

X’inhu l-messaġġ tiegħek għan-nisa t’hemm barra?

Jekk tkun verament tixtieq tilħaq xi ħaġa jew tagħmel xi ħaġa, tasal. Iva, se jkun hemm drabi li forsi taħseb li dan huwa xogħol għall-irġiel jew iebes wisq iżda, jekk tistinka biżżejjed u tkun konvinta minn dak li trid, żgur li tirnexxi.

Sport