Sunday, December 29, 2024

Il-President Ukren jikkundanna attakk fuq ċentru tat-trasfużjoni tad-demm

Il-529 jum tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna

Aqra wkoll

Il-President Ukren, Volodymyr Zelenskiy, qal li r-Russja attakkat ċentru ta’ trasfużjoni tad-demm fil-pajjiż. Huwa kkundanna dan l-attakk u sejjaħlu “delitt tal-gwerra”. Attakk separat laqat fabbrika ewlenija, biż-żewġ inċidenti jseħħu ftit sigħat wara li Kyiv laqtet tanker Russu f’Kerch Strait. 

“Il-forzi Russi laqtu ċ-ċentru tat-trasfużjoni tad-demm fir-reġjun ta’ Kharkiv. Diversi persuni huma rrapportati midruba u oħrajn mejta”, qal Zelensky. Sadanittant, l-Ukrajna wettqet attakk permezz ta’ drone fuq tanker Russu, ġurnata wara li wieħed mill-vapuri tal-gwerra ta’ Moska intlaqat fil-Baħar l-Iswed.

Filmat maħruġ mill-awtoritajiet Ukreni wera drone jolqot il-ġenb tal-bastiment twil 141 metru li jtajjar bandiera Russa fis-satra tal-lejl. Dan kien it-tieni attakk simili f’temp ta’ 24 siegħa, wara dak fuq il-bastiment Russu barra l-port tal-Baħar l-Iswed ta’ Novorossiysk. Maria Zakharova, il-kelliema tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Russja, qalet li Moska se tirritalja.

Kien hemm ukoll rapporti ta’ splużjonijiet f’diversi bliet fosthom f’Kyiv u f’Zaporizhzhia. L-Ukrajna qalet li r-Russja sparat missili ballistiċi fid-direzzjoni ta’ dawn l-ibliet b’xi rapporti jindikaw li l-forzi Russi kienu qed jisparaw missili minn ġewwa t-territorju tal-Belarus. 

Il-kelliema ta’ Zelensky, Iuliia Mendel, qalet fuq Twitter: “Bħalissa l-attakk tal-missili jinsab f’Kiev, Vinnutsia, Zhytomyr, ir-reġjuni ta’ Cherkasy. Iżda t-twissija hija madwar l-Ukrajna kollha.”

Zelensky wiegħed ukoll dak li sejjaħlu bħala ‘rawnd ġdid ta’ “tindif” istituzzjonali’. “Din se tkun ġimgħa ta’ kontinwazzjoni tal-ħidma tagħna dwar it-tindif tal-istituzzjonijiet tal-istat ta’ dawk li ppruvaw ikaxkru mill-passat dawk id-drawwiet qodma kollha, skemi qodma li dgħajfu lill-Ukrajna għal żmien twil ħafna, għal għexieren ta’ snin,” qal Zelenskiy filwaqt li ma tax aktar dettalji.

Fl-Arabja Sawdija bdew ukoll taħditiet biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna. Qed ikun ittamat li l-laqgħa li saret fi tmiem il-ġimgħa u li fiha ħadu sehem konsulenti tas-sigurtà nazzjonali u uffiċjali għolja oħra minn madwar 40 pajjiż – iżda mhux ir-Russja – se twassal għal ftehim dwar prinċipji ta’ kif jista’ jintemm il-kunflitt. 

Andriy Yermak, il-Kap tal-Uffiċċju tal-President Ukren u l-mibgħut ewlieni tiegħu għat-taħditiet f’Jeddah, qal: “Nistenna li d-diskussjoni tkun diffiċli, imma warajna hemm il-verità u t-tjubija.”

Ekonomija

Sport