Sunday, December 22, 2024

Il-presidenti tal-FIGC, Gabriel Gravina, juri pjani ta’ riforma fil-football Taljan

Aqra wkoll

Il-president tal-FIGC, Gabriel Gravina, wera l-pjani ta’ riforma tal-football Taljan u tkellem dwar l-iżvilupp tat-team nazzjonali taħt Roberto Mancini.

L-Azzurri rnexxielhom jevitaw ir-relegazzjoni mill-grupp tagħhom tan-Nations League wara li nhar is-Sibt għelbu lill-Ingilterra 1-0 f’San Siro, biex b’hekk it-team ħa daqqa ta’ solliev.

Għalkemm l-Italja naqset milli tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja li jmiss fil-Qatar, Mancini baqa’ bħala coach u issa jibda t-triq lejn il-Euro 2024, it-tournament kbir li jmiss għall-Italja.

Waqt li kien qed jitkellem fit-Trento Sports Festival, Gravina rreaġixxa għall-ewwel darba għar-rebħa tal-Italja fuq l-Ingilterra u għat-tkabbir tat-team f’dawn l-aħħar xhur.

“Fuq it-team nazzjonali Taljan nista’ ngħid li l-proġett miexi ‘l quddiem. F’24 siegħa morna mir-riskju tar-relegazzjoni għar-rebħ possibbli tal-grupp. Id-difiża tal-pożizzjoni tagħna se tippermettilna li jkollna pożizzjoni aħjar fil-poloz Ewropew li jmiss.

Għandna ħafna injuries, iżda wkoll ħafna żgħażagħ. Nirringrazzja lill-clubs għad-disponibbiltà tagħhom, liż-żgħażagħ u lil Ro­ber­to Mancini, li jippermettilna nimxu ‘l quddiem bil-ħidma tiegħu”.

Huwa kkummenta fuq il-pedamenti stabbiliti biex jgħinu fir-riforma tal-football Taljan fis-snin li ġejjin.

“Għandna bżonn inkabbru d-dinja tagħna u nsibu aktar soluzzjonijiet. Kulħadd irid ikollu rwol f’dan, inkluża l-parti politika. Hemm ħafna punti x’naħdmu fuqhom, wieħed mill-għanijiet huwa li l-kompetiz­zjoni kbira terġa’ tinġieb lura f’pajjiżna.

“Imbagħad is-sistemi u l-infrastrutturi taż-żgħażagħ. Fuq l-ewwel waħda se nimxu b’uffiċċju tekniku li se jkun immexxi minn żewġ players ewlenin fis-settur biex insaħħu l-50 ċentri federali.

Mal-president tal-Lega Serie A, Casini, se niżguraw li nagħtu l-opportunità liż-żgħa­żagħ li jkunu nklużi fit-timijiet. L-infrastruttura hija essenzjali, sadanittant aħna kandidati għall-Euro 2032”.

Il-president tal-FIGC iddiskuta l-kwistjonijiet finanzjarji li jolqtu l-football Taljan u s-soluzzjonijiet.

“Kwistjoni fundamentali oħra hija dik tad-dħul. Hija problema, teżisti. Irridu wkoll innaqqsu l-ispejjeż, noqogħdu attenti u stretti biex niċċekkjaw is-sostenibbiltà u s-solvenza tal-clubs. Dawn huma elementi għas-salvazzjoni. Is-sostenibbiltà tagħna fid- dinja tal-football hija wkoll soċjali.

Fil-21 ta’ Diċembru se jkun hemm l-Assemblea Ġenerali biex tippjana l-iżvilupp u r-riforma tal-football Taljan. Irridu nneħħu d-dritt tal-veto lil kwalunkwe komponent li ma jħalliniex insibu unità ta’ skop fuq kwistjoni li ma tistax tiġi posposta”.

Fl-aħħarnett, Gravina saħaq fuq il-bżonn ta’ bidliet serji fil-football Taljan biex jgħin jiddritta l-vapur wara snin diffiċli.

“Il-football Taljan irid jinbidel. Is-sistema tagħna ma tistax tiffunzjona aktar b’dan il-mod. Il-bidla trid tiġi milqugħa bħala opportunità u mhux bħala theddida u għandha tkun il-bażi tar-riforma li l-moviment tagħna ilu bżonnha.”

Ekonomija

Sport