Saturday, May 18, 2024

BIDU ĠDID GĦAL KULL STUDENT GĦATXAN LI JIRNEXXI

Aqra wkoll

Kull bidu fih it-tmiem, iżda biex nirnexxu jeħtieġ li mit-tmiem nerġgħu nduru għal bidu aħjar minn dak li nkunu għadna kemm temmejna. Ġimgħat ta’ vaganzi ġew fi tmiemhom u issa wasal iż-żmien biex sa mil-lum nibdew inxammru l-kmiem biex nedukaw lill-ġenituri ta’ għada. Kulħadd jeħtieġ li jagħti sehmu. Nemmnu li biex intejbu l-livell jeħtieġ li jkun hemm koperazzjoni sħiħa u kontinwa matul is-sena skolasitika bejn l-għalliema, il-ġenituri u l-istudenti. Kulħadd irid jiġbed l-istess ħabel inkella xi ħadd se jispiċċa jitlef saqajh hu u jiġbed, jitfixkel u jikrolla s-sistema sħiħa.

Nemmnu li l-edukazzjoni tibda mid-dar. Jeħtieġ li sa mill-ewwel ġranet nindirizzaw il-problema kbira tal-bullying. Hemm bżonn li l-ġenituri jpoġġu ma’ uliedhom u jispjegawlhom sa mill-ewwel sigħat lura fuq il-bankijiet tal-klassi li kulħadd, hu kif inhu jixraqlu li joħlom li għada pitgħada jkun aħjar. Li tkun twil iż-żejjed jew qasir iż-żejjed, mgħaddam jew mibrum, bjond, ismar jew iswed m’għandhiex taffettwa l-possibbiltà li tirnexxi b’mod speċjali f’pajjiż bi tmexxija li qiegħda taħdem kontinwament favur l-ugwaljanza fejn jidħlu opportunitajiet ta’ suċċessi.

Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ċertu familji hi li hi. Minkejja diversi għajnuniet biex iżomm l-inqas rata ta’ inflazzjoni possibbli, ċertu postijet, tant raw żieda fil-prezzijiet li ċertu tfal joħolmu biss li l-ġenituri tagħhom jiħduhom jieħdu bukkun minn hemm.

Jeħtieġ li ngħallmuhom li l-basket tad-ditta ma’ jirriflettix x’marka se jirnexxielek tikseb fl-aħħar tas-sena meta jibda jinħasad il-frott. La l-basket, la l-pocket u l-ebda ħaġa materjali m’għandha tiddistingwi bejn l-istudenti. Jeħtieġ li dik id-dinja sabiħa li ħafna drabi naraw fuq filmati ta’ ispirazzjoni jew saħansitra films tiġi attwata u dawk ġejjin minn familji li forsi jinsabu fl-aktar faxex baxxi tas-soċjetà jaslu wkoll biex jirrealizzaw il-ħolm tagħhom.

Matul dawn l-aħħar snin il-gvern ta diversi għajnuniet biex jimbotta favur dan il-għan. Bla dubju, il-privat bla ħlas fis-sajf kien waħda mill-imbuttaturi li kien hemm bżonn biex dawk li b’xi mod ma jkunx irnexxilhom jiggranfaw mal-moll wara għawma iebsa, jġebbdu jdejhom u jsibu lil min jgħinhom biex b’aktar sforz huma wkoll ikunu jistgħu jitilgħu u jistrieħu, filwaqt li jesperjenzaw is-sodisfazzjon tas-suċċess.

Il-ħidma tal-għalliema ilha ftit li bdiet u hawn min jgħidlek li ma taqta’ xejn. Filwaqt li nittamaw li kellhom dak il-mistrieħ li jixirqilhom nemmnu li huma jiddeterminaw lil fejn se mmorru bħala ġenerazzjoni. Jeħtieġ li flimkien mal-ġenituri jkunu huma li jmexxu bl-eżempju u jfehmu lit-tfal li mhix se taqa’ d-dinja jekk student ieħor ġie bi problema u tissaggrifika ftit min tiegħek biex tgħinu. Ngħallmuhom li s-soċjetà tkun isbaħ b’valuri pożittivi u li anke f’każi fejn persuna tiġi b’parti mill-uniformi maħmuġa jew mingħajr ikel, tkun tagħmel aktar ġid jekk tistaqsi lil dak li jkun jekk jixtieqx jaqsam miegħek. Jeħtieġ li niġbdu lejn id-direzzjoni ta’ llum jien u għada inti u li mill-ġid, iżjed ġid jista’ joħroġ.

Tajjeb li nfakkru dwar rapport maħruġ f’Lulju li għadda rigward ir-riżultati miksuba mill-istudenti Maltin u Għawdxin wara l-edukazzjoni sekondarja. Wieħed minn kull ħamsa li ma rnexxilhomx jiksbu pass f’suġġetti bħalma huma l-matematika u l-Ingliż. Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol kien kwota dan ir-rapport u qal li fl-2022 dawn mhumiex ċifri aċċettabbli u li jeħtieġ li ntejbuhom biex is-soċjetà tkun tista’ tiżviluppa l-ħiliet. 

Nemmnu bis-sħiħ li l-unika soluzzjoni biex ntejbu dawn in-numri hija l-armonija bejn l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri li flimkien jaħdmu biex ikissru l-istigmi bla bażi u li jwasslu biss biex jitkissru aktar studenti, u minflok jiffukaw biex kemm jista’ jkun ħadd mill-istudenti tagħna ma jitħalla jaqa’ lura.

Sport