Monday, January 13, 2025

Il-preżenza ta’ ħaddiema barranin hi mhux biss neċessarja imma indispensabbli- il-Professur tal-Ekonomika Philip von Brockdorff

Aqra wkoll

“Il-Malta Labour Migration Policy essenzjalment se tagħti protezzjoni aktar b’saħħitha lill-ħaddiema minn pajjizi terzi fuq il-post tax-xogħol u b’riżultat ta’ dan twassal għal aktar integrazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna. Din il-policy kienet meħtieġa minħabba r-realtà li pajjiżna għaddej minnu fejn prattikament kull attività ekonomika u saħansitra fil-qasam tas-saħħa u kura soċjali saru jiddependu aktar u aktar fuq ħaddiema barranin. Ta’ minn iżid ukoll li r-realtà demografika f’pajjiżna wasslet ukoll biex il-preżenza ta’ ħaddiema barranin tiżdied b’ritmu bla preċedent. Illum dik il-preżenza ta’ ħaddiema barranin hi mhux biss neċessarja iżda indispensabbli kemm biex l-ekonomija tkompli tikber kif ukoll biex il-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli.”

Dan iddikjarah il-Professur tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, Philip von Brockdorff. Hu qal li “f’dan l-isfond, kien pass inevitabbli li għall-ewwel darba pajjiżna, li storikament kellu politika ta’ emigrazzjoni, issa nidha politika ta’ immigrazzjoni li tirregola kif ħaddiema minn pajjizi terzi għandhom jigu intergrati kemm fis-suq tax-xogħol u fuq il-post tax-xogħol. Bla dubju din il-politika trid taġġorna ruħha minn żmien għal żmien minħabba żviluppi li jistgħu jseħħu kemm f’pajjiżna u kemm barra minn pajjiżna”.

Qal ukoll; “Dak l-aġġornament irid isir ukoll abbażi ta’ żviluppi fil-qasam diġitali u dak tal-intelliġenza artifiċjali li jistgħu jwasslu biex aktar xogħol ma jibqax jsir manwalment. L-innovazzjoni f’setturi bħal manifattura tista’ twassal ukoll biex il-ħtieġa ta’ ħaddiema low-skilled tkompli tonqos”.

Temm jgħid: “Hu neċessarju għalhekk li l-Malta Labour Migration Policy tisħaq dejjem u aktar fuq ħiliet u kompetenzi ta’ ħaddiema barranin li huma meħtieġa fis-suq tax-xogħol dinamiku u f’kuntest ta’ żviluppi ekonomiċi kif ukoll soċjali. Din il-politka twassal għal suċċess dment li tibqa’ twieġeb b’mod effettiv u fil-pront għal dawk l-iżviluppi.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport