Fl-aħħar xhur, b’mod partikolari fil-bidu ta’ din is-sena bħala konsumaturi bdejna nesperjenzaw għadd ta’ prodotti li bdew jogħlew fil-prezz. Prodotti tal-ikel. Apparat domestiku. Prodotti marbutin ma’ xogħlijiet fid-djar. L-injam u materja prima oħra, ukoll għolew fil-prezz. Il-mistoqsija hi waħda x’ċara. X’qed jiġri?
Dan is-sit stħarreġ dwar dan u kollox qed jindika li din iż-żieda fil-prezzijiet hi ġejja minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-ġarr tal-merkanzija barra pajjiżna. Qed jirriżultalna li t-tariffi tal-ġarr tal-bastimenti f’dak li hu ġarr ta’ merkanzija żdied sew xi drabi b’erba’ u ħames darbiet. “It-tariffi għolew sostanzjalment biex jinġab ix-xogħol lejn pajjiżna. Minħabba dan, ma kienx hemm triq oħra għajr isiru aġġustament tal-prezzijiet”, qalilna negozjant li jġib prodotti li jintużaw fid-djar.
Dan is-sit għamet kuntatt ma’ David Fleri Soler, Head of Sales & Business Development ta’ Express Trailers, fejn staqsejnieh dwar il-fatt li ħafna importaturi qed jaraw żieda fit-tariffi għall-ġarr tal-merkanzija. Mistoqsi dwar x’qed jikkawża dan hu jgħidilna bla tlaqieq lli nuqqas ta’ spazju fuq bastimenti u nuqqas ta’ kontejner vojta huma r-raġunijiet.
Iddikjara li “n-nuqqas ta’ spazju fuq il-bastimenti li jġorru l-merkanzija speċjalment miċ-Ċina u l-Lvant Imbiegħed flimkien man-nuqqas ta’ disponibilità ta’ kontejners vojta f’dawn il-portijiet kienu l-fatturi ewlenin li wasslu biex il-prezz tal-ġarr ta’ merkanzija tela’ għal livelli storiċi.
Kumpaniji ta’ bastimenti tal-merkanzija ħadu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni u mid-domanda għall-ispazju u bdew japplikaw tariffi għolja ħafna fuq vjaġġi – li wassal biex ċertu prezzijiet żdiedu b’saħansitra 500 fil-mija f’temp ta’ sena.
Iżda m’hemmx biss il-kwistjoni ta’ l-ispejjeż tal-ġarr tal-merkanzija iżda wkoll il-fatt li l-merkanzija qed iddum biex tasal minħabba konġestjoni fil-portijiet u li ħafna containers jibqgħu l-art minħabba nuqqas ta’ spazju fuq il-bastimenti.
Dan qed iwassal għal dewmien ta’ ġimgħat sħaħ u taqlib fis-supply chain tal-klijenti. Għalissa ma jidhirx li dawn it-tariffi se jitnaqqsu jew li s-sitwazzjoni se titjieb. Għalhekk tajjeb li jittieħdu l-prekawzjonijiet u li l-klijenti jistudjaw ir-riskju f’każ li l-merkanzija ddum biex tasal”
Mistoqsi jekk kumpanija bħal Express Trailers hix qed tesperjenza l-istess żidiet u kif qed jintlaqat in-negozju tal-kumpanija, David Fleri Soleri jgħidilna li “sfortunatament, din is-sitwazzjoni qed ikollha l-effett tagħha fuq l-industrija lokali wkoll.
Filwaqt li dawn iż-żidiet inħassu fuq it-trasport bil-baħar u bl-ajru, u b’mod speċjali kif semmejt, fuq il-merkanzija miċ-Ċina u mill-Lvant Imbiegħed, it-trasport fuq l-art permezz tan-networks Ewropej tagħna baqgħu stabbli u ma kienx hemm xi żidiet fl-ispejjeż jew taqlib fis-servizz. Il-kapaċità baqgħet stabbli, bl-eċċezzjoni ta’ l-effetti ta’ Covid fuq l-industrija u tnaqqis fin-negozju mir-Renju Unit minħabba l-Brexit.”
Jgħidillna li “qed navżaw lill-klijenti sabiex jippjanaw l-ordnijiet tagħhom u jibbukkjaw minn kmieni, sabiex isibu fornituri oħrajn minn reġjuni differenti, biex jistudjaw il-kapaċità tal-fornituri u sabiex jagħżlu l-kumpanija ta’ loġistika t-tajba li kapaċi taqdiehom l-aħjar. Iżjed importanti, li jikkunsidraw dawn iż-żidiet fit-tariffi meta jfasslu l-prezz tagħhom u li jfittxu opportunitajiet ġodda ta’ negozju.”
Negozjanti qed idumu jaraw merkanzija tittardja b’ġimgħat
Negozjant li tkellem magħna qalilna li “meta kienet faqqgħet il-pandemija lejn il-bidu tas-sena 2020 u minħabba li saru lockdowns mad-dinja kollha, ħafna kumpaniji kbar tal-bastimenti m’għamlux ordnijiet għal bastimenti ġodda. Dan kien jagħmel sens għax id-domanda għal ġarr ta’ merkanzija kienet naqset drastikament. Li ġara imbagħad kien li id-domanda għal aktar ġarr ta’ merkanzija bdiet tiżdied lejn l-aħħar parti tas-sena 2020 u kompliet tiżdied aktar ma daħlet is-sena 2021. Minħabba dan, issa qed jinstab li m’hemmx spazju biżżejjed fuq il-bastimenti meta tara iż-żieda fid-domanda u dan wassa biex il-prezzijiet splodew. Qed nitkellmu fuq żieda ta’ kważi ħames darbiet aktar għal ġarr ta’ merkanzija u din mhix żieda żgħira”, sostna l-istess negozjant.
Dan in-negozjant qalilna li “jekk inqabbel ir-rati li qed ikollna nħalllsu għal ġarr ta’ merkanzija mil-lvant imbiegħed lejn l-Ewropa naraw li jekk inqabbluhom ma’ Jannar ta’ din is-sena naraw li dawn żdiedu b’90 fill-mija. Jekk inqabbluhom mal-bidu tas-sena 2020 naraw li żdiedu bejn 400 u 450 fil-mija.” Enfasizza li ma jidhirx li fl-immedjat se jkun hemm tnaqqis fit-tariffi.
Spjegalna li wara li kien hemm dak il-perjodu fejn donnnu kollox waqaf kumpaniji kbar globali bdew jerġgħu jixtru b’ammont qawwija biex jimlew l-imħażen u istabbilimenti tagħhom. Din id-domanda għolja qed twassal biex il-portijiet u l-bastimenti ma setgħux ilaħħqu. Meta jiġri dan, jogħew il-prezzijiet tal-ġarr tal-merkanzija u magħhom jogħla kollox. Dan biex ma ngħidlekx li l-merkanzija mhix tasal fil-ħin. Qed tittardja sew”.
L-istess negozjant qalina li “nista’ ngħidlek li kellna merkanzija li ttardjat b’ġimagħtejn u anki tlieta u f’xi każi anki aktar. Din m’hix xi problema għalina f’Malta imma hi problema mad-dinja kollha.
“Nuqqas ta’ kontejners”
Kelliem għal kumpanija marittima qalilna li “nikkonferma li qed nesperjenzaw żidiet qawwija fit-tariffi tal-ġarr. Qed nitkellmu fuq tariffi storiċi. Żidiet ta’ bejn 400 u 500 fil-mija. Pajjiż bħaċ-Ċina fl-aħħar xhur u ġimgħat kellu żieda qawwija fl-esportazzjoni tiegħu. Hu kkalkulat li l-esportazzjoni minn dan il-pajjiż żdiedett bi 30 fil-mija. Dan minħabba korporazzjoni li bdew jixtru wara l-perjodi ta’ lockdown.
Minħabba dan inħolqot problema biżżejjed. M’hemmx kontejners biżżejjed biex jaqdu id-domanda qawwija li hemm biex jibagħtu merkanzija lejn l-Istati Uniti u lejn l-Ewropa. Is-sinjali mhux daqstant sbieħ għax ma jidhirx li s-sitwazzjoni se tiġi għan-normal malajr. Hemm min qed ibassar li jistgħu jogħew aktar.
Ngħid li jekk jiġri dan, l-effetti se jkunu ħafna ħżiena speċjalment fuq il-konsumaturi. Illum tista’ tgħid li ħafna prodotti kellhom jogħlew fil-prezz. Oħrajn li kien hawn stokk tagħhom baqgħu bl-istess prezz, imma la jinġabu konsenji ġodda, il-prezz tagħhom ikollu jogħla ukoll”, sostna ir-rappreżentant marittimu.