Tuesday, April 23, 2024

Il-KE tinnota li r-riformi implimentati saħħu l-indipendenza fis-sistema ġudizzjarja f’Malta

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ir-Rapport dwar is-saltna tad-Dritt 2021 ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea jilqa’ r-riformi implimentati li kkontribwixxew biex tissaħħaħ l-indipendenza fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna, partikolarment ir-riforma tas-sistema tal-ħatriet tal-ġudikanti u dik fid-dixxiplina tal-ġudikanti.

Skond ir-rapport, il-perċezzjoni dwar l-indipendenza fil-ġudikatura “tjiebet notevolment”.

Ir-rapport ikompli juri li l-livell ta’ indipendenza ġudizzjarja perċepita issa huwa “għoli”.

Ir-rapport jiddeskrivi kif ittieħdet azzjoni biex il-politiċi ma jibqgħux aktar involuti fil-ħatra tal-Prim Imħallef. Ir-rapport jinnota wkoll il-progress dwar it-trasferiment tal-prosekuzzjonijiet mill-pulizija għall-Avukat Ġenerali. Din is-sistema l-ġdida ta’ ħatriet ġudizzjarji kienet milqugħa b’mod pożittiv ukoll mill-Kummissjoni ta’ Venezja.

Ir-rapport innota wkoll emendi li ressaq il-Gvern fil-Kostituzzjoni biex l-awtoritajiet Maltin ikunu jistgħu jimponu multi ogħla lil min ma jkunx konformi mal-liġi f’dak li għandu x’jasaqm fl-operat tiegħu.

Fi stqarrija, il-Gvern Malti qal li minkejja li l-ġimgħa li għaddiet l-Oppożizzjoni sfortunatament ivvutat kontra din l-emenda fil-parlament, il-gvern jibqa’ impenjat biex isaħħaħ il-proċess intern.

Ir-rapport jinnota wkoll riformi riċenti li diġà bdew jagħtu riżultati pożittivi fosthom ir-riformi dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. Issemmiet ukoll il-liġi li daħlet fejn uffiċjali tal-Kort jistgħu jirrappurtaw b’mod anonimu dwar abbużi fil-Korp stess.

Ir-rapport jsemmi wkoll l-istrateġija li ppreżenta l-Gvern għas-snin 2020-2025 bil-għan li jissaħħu l-miżuri kontra l-korruzzjoni.

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-gvern Malti jibqa’ impenjat li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt fi ħdan l-UE, u se jkompli jinvolvi ruħu f’kooperazzjoni kontinwa biex jintlaħaq dan il-għan. 

Sport